IL-PRESIDENT TA’ MALTA MARIE LOUISE COLEIRO PRECA TILTAQA’ MA’ MIJIET TA’ MALTIN LI ATTENDEW GĦALL-ATTIVITAJIET TA’ MALTA DAY-UK F’LONDRA

Reference Number: PR142035, Press Release Issue Date: Sep 13, 2014
 
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca ltaqgħet ma’ mijiet ta’ Maltin li jgħixu l-Ingilterra u li attendew bi ħġarhom għall-attivitajiet ta’ Malta Day-UK organizzata mill-komunità Maltija f’Londra.  Waqt li indirizzat lill-kongregazzjoni li nġabret għal Quddiesa fil-Katidral Westminster kkonċelebrata mill-Kardinal Malti Prospero Grech, il-President Coleiro Preca faħħret l-entużjażmu tal-Maltin, u stiednet lill-komunità Maltija biex tiġi f’Malta għal attivitajiet bil-familji bit-tfal fil-Palazzi tal-President.
 
Il-President wriet apprezzament għall-fatt li l-Maltin fl-Ingilterra mhux talli ma nsewx lil Malta, talli jagħmlu tant attivitajiet b’enerġija kbira biex jippromwovu lil Malta u l-kultura għanja Maltija.  Il-President qalet li Malta għandha bżonn dan l-entużjażmu tal-Maltin li jgħixu lil hinn minn Malta, u għaldaqstant stiednet lill-komunità Maltija biex flimkien b’sinerġija proattiva jsiru attivitajiet li permezz tagħhom jissarraf il-ġid fost iċ-ċittadini Maltin.  Il-President semmiet kif tant Maltin li jitilgħu l-Ingilterra għall-kura u kif il-Presidenza, permezz tal-Malta Community Chest Fund, taħdem bis-sħiħ biex tgħin lill-Maltin li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ mard, minn tfal sa kbar.
 
Matul il-jum il-President attendiet għall-attivitajiet ta’ Malta Day-UK fosthom b’wirja fis-sala tal-Katidral Westminster fejn il-komunità Maltija f’Londra esibiet prodotti magħmula f’Malta.  Il-President tkellmet ma’ bosta Maltin li wħud minnhom ilhom jgħixu fl-Ingilterra għal aktar minn 50 sena.  Il-komunità Maltija fl-Ingilterra li tiġbor tlett ġenerazzjonijiet tlaħħaq it-80 elf.
 
L-attivitajiet tal-komunità Maltija kellhom appoġġ sħiħ mill-Kummissarju Għoli Malti fl-Ingilterra Norman Hamilton.  Għall-attivitajiet kanta l-kor Animae ffurmat minn għadd ta’ kantanti Maltin u attendew membri tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta.
 
​​​