Sas-sena li għaddiet, pazjenti li kien ikollhom bżonn isirilhom tip ta’ biopsy
kumplessa f’sidirhom biex ikun determinat jekk għandhomx kanċer, kienu
jintbagħtu barra l-pajjiż.
Minn din is-sena dawn it-tip ta’ biopsies qegħdin isiru fl-isptar
Mater Dei permezz ta’ apparat ġdid; il-Vacuum Assisted Breast Biopsy.
Dan ħabbru l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, waqt konfernza tal-aħbarijiet
fid-Dipartiment tal-Medical Imaging fl-Isptar Mater Dei.
“Permezz ta’ dan l-investiment ta’ €80,000, il-pazjenti qegħdin jagħmlu dan
l-intervent f’Malta stess u mingħajr il-bżonn ta’ operazzjoni kbira,” qal
il-Ministru Fearne. Fil-fatt intervent bil-Vacuum Assisted Breast Biopsy idum
madwar 20 minuta, li għalih jintuża loppju lokali u ma jkunx hemm bżonn li
jsiru ponti.
Fl-aħħar snin, sar investiment qawwi fid-Dipartiment tal-Medical Imaging,
fejn barra l-Vacuum Assisted Breast Biopsy sar ukoll investiment f’MRI u
CT Scan ġdida, sar ukoll investiment f’Biplane Angio Suite. Dawn huma
kollha teknologiji tal-ogħla livell li tejbu s-servizz li joffru dan
id-Dipartiment.
“Illum nistgħu ngħidu li għandna servizz tas-saħħa aħjar,” ikkonkluda
l-Ministru Chris Fearne.