STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Opportunitajiet għal żgħażagħ Maltin fil-qasam tas-saħħa

Reference Number: PR181709, Press Release Issue Date: Aug 02, 2018
 

Kunsidrat il-fatt li l-evolviment fil-qasam tas-saħħa huwa wieħed kontinwu u magħduda miegħu l-prijorità li jagħtih il-Gvern iwasslu biex kontinwament jinħolqu l-opportunitajiet f’dan il-qasam għal żgħażagħ Maltin u Għawdxin li s-servizz mediku jattirahom.

F’Konferenza tal-Aħbarijiet li saret illum (il-Ħamis, 2 ta’ Awwissu 2018) id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tratta proġett minn fondi Ewropej, stmat li jiswa €2.1 miljun, li permezz tiegħu 13-il żagħżugħ/a jistgħu jidħlu għal korsijiet f’universitajiet fir-Renju Unit fi tliet oqsma speċifiċi fil-qasam tas-saħħa. Is-suċċess f’dawn il-korsijiet, mifruxin fuq tliet snin, ikun ifisser b’mod awtomatiku mpjieg mal-Ministeru tas-Saħħa.

L-applikazzjonijiet għal dawn il-korsijiet diġà huma miftuħin u jgħalqu nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Awwissu. Studenti li ftit tal-ġimgħat ilu rċevew ir-riżultati tal-eżamijiet fil-Livell Avvanzat ġew infurmati b’dawn l-opportunitajiet offruti minn dan il-proġett.

Il-proġett ikopri BSc Orthoptics (il-qasam tal-għajnejn fejn jirrigwarda tfal), kors mifrux fuq tliet snin fultajm offrut lil sitt trainees; BSc Optometry (qasam tal-għajnejn fejn jirrigwarda adulti qabel mal-pazjent jintbagħat għand l-Oftolmologu) kors fultajm mifrux fuq tliet snin offrut lil erba’ trainees; u MSc Genetic Counselling (Genetic Counsellor ikun jifforma parti minn tim multidixxiplinarju f’ħidma biex tgħin lin-nies jifhmu l-komponimenti tal-mard) kors mifrux fuq tliet snin fuq bażi partajm.

L-universitajiet fir-Renju Unit abbinati ma’ dawn il-korsijiet huma l-Università ta’ Cardiff (MSc Genetic Counselling); l-Università ta’ Cardiff u City London University (BSc Optometry) u l-Università ta’ Sheffield (BSc Orthoptics).

“L-iżvilupp ta’ dan il-proġett jkun ta’ għajnuna sostanzjali biex nimlew nuqqasijiet li għandna fil-professjonijiet konċernati fi ħdan is-settur tas-saħħa u jtejjeb b’mod qawwi s-servizz offrut lill-pazjenti. Proġett li jkattar ħidmet il-Gvern fl-iffukar kurrenti tiegħu fuq il-kura preventiva u jifforma wkoll parti mill-istrateġija ġdida tal-Gvern għas-settur tas-saħħa li qed titfassal għall-għaxar snin ta’ bejn is-sena 2020 u s-sena 2030,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Il-proġett ikopri l-iffinanzjar kollu tal-korsijiet; l-ivvjaġġar lejn ir-Renju Unit u lura Malta għall-btajjel tal-Milied, l-Għid u l-waqfa tas-sajf; allowances biex ikopru l-akkomodazzjoni u l-isġejjeż ta’ kuljum; xiri ta’ kotba u apparat meħtieġa bħala parti mit-taħriġ; impjieg mal-Gvern Malti bħala trainee u salarju waqt li jkunu għaddejjin il-korsijiet kif ukoll impjieg mal-Ministeru tas-Saħħa fi tmiem il-kors b’suċċess.