STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Kamra għall-użu tal-familjari fl-ITU

Reference Number: PR181739, Press Release Issue Date: Aug 07, 2018
 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, inawgura kamra ġdida fid-Dipartiment tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei biex tintuża mill-qraba ta’ pesruni li jkunu rikoverati fl-ITU. 

Din il-kamra u kamra oħra fl-ITU għat-tobba ġew rinovati minn Rotary Club Malta bħala waħda mill-inizjattivi ta’ Life After Drew. 

Waħda mill-kmamar se tkun qed tintuża mill-konsulenti li jaħdmu fl-ITU, primarjament biex jitkellmu mal-qraba tal-pazjenti tagħhom f’ħinijiet delikati filwaqt li l-kamra l-oħra tintuża minn qraba ta’ pazjenti rikoverati fl-ITU u li jagħmlu ħinijiet twal ħdejn il-pazjent. 

“Meta persuna tkun fl-ITU ż-żmien ma jieqafx biss għal dik il-persuna, iżda wkoll għall-qraba tagħhom, fejn letteralment jqattgħu ħajjithom fl-ITU wkoll. Permezz ta’ din il-kamra ġenituri b’uliedhom żgħar fl-ITU u qraba ta’ pazjenti Għawdxin fost oħrajn se jkollhom kamra fejn jistgħu jistrieħu ftit, jieħdu shower u jitrejqu,” qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne. 

Din il-kamra, fiha żewġ sodod u hija mgħamra b’kitchenette u faċilità fejn dak li jkun jista’ jinħasel. Meqjus il-fatt li huwa kalkulat li jkun hemm madwar 1,500 pazjent kull sena fl-ITU, il-ħtieġa ta’ kamra bħal din hija imperattiva. Huwa kalkulat li komplessivament tintuża għal madwar 14-il ġimgħa fis-sena u hemm kriterji ta’ prijorità għall-użu tagħha. 

Din il-kamra se tkun qed tintuża minn ġenituri li jkollhom tfal żgħar l-ITU li ma jiċċaqalqux minn ħdejhom, qraba ta’ pazjenti Għawdxin li ma jkollhomx fejn joqogħdu Malta kif ukoll qraba ta’ persuni barranin li jkunu rikoverati l-ITU.​ 

​​​