STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Rinovata l-berġa ta’ Ħaż-Żebbuġ

Reference Number: PR181808, Press Release Issue Date: Aug 24, 2018
 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura l-berġa tal-gvern fil-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ li għadha kemm saritilha rinovazzjoni estensiva, inkluż tal-għamara, u li minnha se jkunu qegħdin jingħataw servizzi aktar milli kienu qegħdin jingħataw s’issa.

Mill-berġa ta’ Ħaż-Żebbuġ bħalissa jingħata servizz mediku minn tabib u infermiera tliet darbiet fil-ġimgħa lil medja ta’ 270 persuna kull xahar, filwaqt li jingħata servizz ta’ pataloġija tal-lingwa mitkellma (speech and language pathology)  mit-Tnejn sal-Ġimgħa lil madwar 100 pazjent kull xahar.

Fil-ġimgħat li ġejjin ma’ dawn is-servizzi se jiżdiedu wkoll servizzi ta’ nutritionist, dietician u lifestyle. Dawn it-tliet servizzi ġodda huma essenzjali primarjament bħala prevenzjoni kontra l-mard bħalma huwa dak tad-dijabete u pressjoni.

“Il-programm tal-gvern fir-rigward ta’ servizz tas-saħħa jinkludi l-espansjoni ta’ servizzi tas-saħħa fil-komunità, fosthom permezz tal-bereġ. Għal dan il-għan il-gvern, permezz tad-Dipartiment tal-Kura Primarja, għaddej b’xogħol biex ikunu rinovati l-bereġ biex b’hekk is-servizzi provduti minnhom jingħataw minn ambjent aħjar. Riċentement ftaħna berġa kompletament ġdida fix-Xewkija, Għawdex, u llum inawgurajna x-xogħol estensiv ta’ rinovar li sar fil-berġa ta’ Ħaż-Żebbuġ”, qal id-Deputat Prim Ministru filwaqt li esprima s-sodisfazzjon u r-ringrazzjament tiegħu lill-ħaddiema li bidlu kompletament l-istruttura tal-post.

Għall-inawgurazzjoni tal-berġa ta’ Ħaż-Żebbuġ kienu preżenti wkoll Rosanne Camilleri, CEO tad-Dipartiment tal-Kura Primarja, u s-sindku tal-lokalità Sarah Agius.

Camilleri qalet li s-servizzi l-ġodda, dawk ta’ nutritionist, dietrician u lifestyle, se jkunu jistgħu jingħataw bl-appuntament filwaqt li se jinżammu l-istess ħinijiet li kien hemm qabel għas-servizzi l-oħra. Min-naħa tagħha s-sindku tal-lokalità esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li l-gvern laqa’ t-talba tal-kunsill biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa u tinsab kuntenta li issa l-komunità Żebbuġija se tkun tista’ tingħata servizzi tas-saħħa minn ambjent ferm aħjar milli kien hemm qabel

Il-berġa ta’ Ħaż-Żebbuġ hija fost 54 berġa li l-gvern għandu mxerrdin ma’ Malta u Għawdex. Uħud minnhom ġew devoluti lill-kunsilli lokali tal-lokalità konċernata. Huwa kkalkulat li minn dawn il-bereġ kull sena jingħata servizz lil madwar 210,000 pazjent.

 ​

​​​