STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Ikomplu jiżdiedu l-lokalitajiet fejn se jsir it-tqassim tal-istikek tad-dijabete

Reference Number: PR181508, Press Release Issue Date: Jul 04, 2018
 
 
Wara li f’Mejju bdew jitqassmu stikek b’xejn lil dawk kollha li jbatu mid-dijabete u li huma residenti fil-lokalitajiet tal-Marsa, Ħamrun, Valletta u Floriana, żdiedu magħhom issa l-lokalitajiet tal-Baħrija, Dingli, Fgura, Mġarr, Mtarfa u Santa Venera.
 
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li ta’ kull sena se jkunu qed jitqassmu mas-16-il miljun stikka lil madwar 30,000 persuna dijabetika f’pajjiżna, bl-ispiża ta’ madwar miljun ewro. “Ta’ kull xahar pazjenti li jiġbru l-mediċini minn lokalitajiet diversi tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek se jkunu qegħdin jirċievu ittra biex jiġbru l-istikek tagħhom. Il-proġett kien beda fl-2016 fejn l-ewwel li bdew jingħataw stikek b’xejn kienu t-tfal. Wara gradwalment żdiedu d-dijabetiċi tat-Tip 1 kollha u wara d-dijabetiċi tat-Tip 2 li qegħdin fuq l-insulina. Dawn kollha qed jingħataw erba’ stikek kuljum filwaqt li dawk fuq il-mediċina orali jingħataw stikka waħda kuljum.”
 
Id-Deputat Prim Ministru kompla jgħid li minn Mejju s’issa diġà hemm 10 lokalitajiet li r-residenti tagħhom qed jingħataw l-istikek b’xejn u bħalissa qed isir ix-xogħol neċessarju sabiex 22 lokalità oħra tingħaqad mal-lista eżistenti. Dawn se jkunu l-Birgu, Bormla, Buġibba, Għaxaq, Għawdex, Ħaż-Żebbuġ, Isla, Kalkara, Marsaskala, Marsaxlokk, Mellieħa, Pietà, Qawra, Qormi, Rabat, San Pawl il-Baħar, Siġġiewi, Xgħajra, Żabbar, Żejtun, Mdina u San Ġiljan. “Hu ppjanat li l-kumplament tal-lokalitajiet li fadal ikunu parti minn din l-iskema sa tmiem din is-sena,” temm jgħid id-Deptat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.