STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI: Konċessjoni ta’ darba għall-pensjonanti mill-Awstralja

Reference Number: PR181554, Press Release Issue Date: Jul 11, 2018
 
​Kif diġà ħabbar il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, il-Kummissarju tat-Taxxi ser ikun qed jeżenta lill-pensjonanti li għandhom pensjoni tal-Awstralja milli jħallsu taxxa addizzjonali u interessi dovuti u jħallsu biss €20 ta’ darba bħala multa.
 
Għaldaqstant, dawk il-pensjonanti li diġà ħalsu l-multa se jirċievu ċekk ta’ rifużjoni (refund) bil-posta jew dirett fil-kont bankarju tagħhom.
 
Dawk il-pensjonanti li diġà bagħtu l-formola ser ikollhom il-kont aġġustat u se jingħataw sa sena ċans biex iħallsu t-taxxa dovuta billi jagħmlu ftehim mad-Dipartiment tat-Taxxi.
 
Dawk il-pensjonanti li għadhom ma mlewx il-formola tat-taxxa ser ikunu qed jirċievu kopji bil-posta.  Huma ser ikunu qed jingħataw xahrejn żmien biex jimlew il-formola tat-taxxa għal kull sena li ma ddikkjarawx id-dħul.
 
Kull min jkollu xi diffikultà jew irid aktar għajnuna għandu jċempel lill-Uffiċċju tal-Customer Care fuq in-numru 153 jew billi jirrikorri personalment fl-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi, Block 4, il-Furjana.