STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Il-konċessjoni tat-tmexxija tal-parkeġġ f’Mater Dei

Reference Number: PR181485, Press Release Issue Date: Jun 30, 2018
 

Il-Ministeru għas-Saħħa jirreferi għal rapporti f’sezzjonijiet tal-media rigward il-konċessjoni tat-tmexxija tal-parkeġġ fl-Isptar Mater Dei.  

Kif diġà mħabbar, fl-aħħar xhur ġie konkluż proċess biex il-parkeġġ pubbliku tal-Isptar Mater Dei jingħata b’konċessjoni ġdida. Dan il-proċess kompetittiv, skont regolamenti tal-Gvern ġie konkluż u mistenni jġib benefiċċji ġodda għall-pubbliku li jużah permezz ta’ tariffi orħos, b’iżjed spazji ta’ parkeġġ u apparat elettroniku li jiffaċilita l-użu u s-sigurtà. Iżjed minn hekk dan il-proċess se jassigura li dan il-parkeġġ jitmexxa fuq bażi kummerċjali sostenibbli mingħajr ebda piż finanzjarju fuq it-taxpayers Maltin kif inhu l-kuntratt eżistenti. 

Fl-aħħar ġimgħat il-GWU, f’isem il-ħaddiema tal-kuntrattur preżenti, ressqet talba lill-Ministeru biex jikkonsidra miżuri biex jevita li din il-bidla toħloq diffikultajiet lil dawn il-ħaddiema. 

Fuq intervent tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, nhar il-Ħamis 28 ta’ Ġunju saret laqgħa bejn il-GWU, il-kuntrattur preżenti u t-tmexxija ta’ Mater Dei biex dan it-tibdil fil-kuntratt iħalli l-inqas impatt fuq dawn il-ħaddiema u l-arranġamenti li kellhom mal-kumpanija li tħaddimhom rigward aċċess għall-parkeġġ. 

Il-Ministeru b’sodisfazzjon iħabbar li din il-laqgħa kellha r-riżultati mixtieqa u ġie miftiehem li l-kumpanija tal-ħaddiema milquta minn din il-bidla tesplora mezzi u skemi alternattivi biex il-ħaddiema tagħhom ikollhom l-aċċess mixtieq għall-post tax-xogħol tagħhom mingħajr impatt negattiv fuq il-postijiet tal-parkeġġ li l-isptar irid jiggarantixxi għall-pazjenti u viżitaturi tiegħu. 

It-tmexxija tal-isptar offriet id-disponibilità tagħha biex toffri appoġġ konkret u dirett għal dawn l-iskemi li jgħinu biex tonqos il-konġestjoni tat-traffiku fil-madwar tal-isptar u tassigura li l-problemi ta’ parkeġġ fl-isptar jibdew jigu indirizzati. L-isptar jixtieq jirringrazzja lill-ħaddiema involuti għall-koperazzjoni kontinwa tagħhom, kollaborazzjoni li se tassigura li tali tibdil ikompli għall-benefiċċju tagħhom, tal-isptar, tal-pubbliku li jużah u tal-ambjent.​