STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, SPORT U GĦAQDIET TAL-VOLONTARJAT: Il-Kunsill Studenti Universitarji jniedi aktar minn €60,000 f’fondi għal studenti universitarji

Reference Number: PR180497, Press Release Issue Date: Mar 08, 2018
 

Il-Kunsill Studenti Universitarji nieda l-Programm ta’ Finanzjament għall-2018. Din is-sena l-Kunsill żied il-fondi b’ammont sostanzjali u għamel bidliet varji biex ikompli jgħin lill-istudenti u lill-organizzazzjonijiet tal-istudenti.

 

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, filwaqt li rringrazzja lill-Kunsill tax-xogħol siewi li jagħmlu għall-istudenti, saħaq li “hu ta’ sodisfazzjon meta nara l-attiviżmu fost l-istudenti u jagħmlu proġetti u jieħdu inizjattivi varji. Ix-xogħol ta’ kull wieħed u waħda minna hu li projpu nsostnu dawn it-tip ta’ inizjattivi u ngħinu lill-kunsilli, għaqdiet u lill-istudenti tagħna sabiex dejjem ikunu jistgħu jaġixxu b’mod awtonomu, li hu importanti ħafna.”

 

L-iktar bidla prominenti hija l-abolizzjoni tal-KSU Research & Opportunity Fund, li ġie sostitwit mill-KSU International Opportunities Fund u l-KSU Research & Resources Fund. Dawn il-fondi jikkonsistu f’€15,000 u €5,000 rispettivament. Il-mottiv wara din is-separazzjoni kien in-numru ta’ applikazzjonijiet diversi li daħlu fil-passat. Din l-istruttura għandha tiżgura attenzjoni suffiċjenti kemm għall-inizjattivi internazzjonali kif ukoll għall-proġetti ta’ riċerka. Għall-2018, il-KSU żied il-limitu massimu għal inizjattivi internazzjonali singulari minn €400 għal €600, li jippermettu lill-istudenti jimpenjaw ruħhom f’inizjattivi aħjar, bħall-volontarjat u exchanges  f’kontinenti oħra.

 

Wara s-suċċess tas-sena l-oħra, il-KSU ħoloq mill-ġdid il-Fond tat-Trasport b’kollaborazzjoni mal-Malta Public Transport. Total ta’ €10,000 tqassam fil-forma ta’ kreditu ġo Tal-Linja Card lil 150 student.

 

Fir-rigward tal-Fond għall-Kultura u l-Isport tal-KSU, €5000 ġew allokati għas-sena 2018, bil-limitu għal proġetti individwali jiżdied għal €1500. L-istudenti u l-organizzazzjonijiet tal-istudenti li jixtiequ jagħmlu użu minn dan il-fond se jiġu eżaminati permezz ta' proċess ta’ intervista biex jiġi żgurat li jitwettqu proġetti adegwati.

 

Żieda ġdida mal-lista ta’ finanzjament huwa l-Fond għall-Avvenimenti tal-KSU. Dan il-finanzjament hu inċentiv lill-organizzazzjonijiet tal-istudenti biex jospitaw avvenimenti fuq il-kampus u lil hinn mill-università. L-avvenimenti eliġibbli huma dawk ta’ natura akkademika li jaqgħu fil-kompetenza tal-organizzazzjoni tal-istudenti rispettiva. L-għan ta’ dan il-fond huwa li jkompli jgħin lill-organizzazzjonijiet li jaffaċċjaw problemi finanzjarji meta jorganizzaw avvenimenti bħal dawn.

 ​

​​​