STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Ir-rwol tal-blockchain fil-qasam tas-saħħa

Reference Number: PR182147, Press Release Issue Date: Oct 05, 2018
 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ddeskrieva bħala ta’ benefiċċju kbir ir-rwol li t-teknoloġija blockchain se jkollha fil-qasam tas-saħħa mhux biss f’pajjiżna imma fid-dinja kollha. 

Meta indirizza l-ewwel Delta Summit dwar din it-teknoloġija, organizzata minn pajjiżna, u li qed jattendu għaliha eluf ta’ delegati mid-dinja kollha, id-Deputat Prim Ministru qal li blockchain se tkun qed tbiddel il-mod kif jitħaddem is-settur tas-saħħa. 

“Permezz ta’ blockchain ir-rekords mediċi tal-pazjenti se jkunu direttament tal-pazjenti. Dan huwa differenti minn kif inhi s-sitwazzjoni llum. Illum meta pazjent imur għand tabib jew imur l-isptar ir-rekords ikunu fil-files tal-isptar. Permezz ta’ blockchain il-pazjent innifsu se jkollu aċċess għar-rekords tiegħu u jkun jista’ jagħti l-informazzjoni lil kwalukwe tabib jew sptar tal-għażla tiegħu,” qal id-Deputat Prim Ministru. 

Huwa żied jgħid li dan l-iżvilupp se jkun ifisser li jekk persuna ssiefer u tiġi bżonn tabib jew tiddaħħal fi sptar barra minn Malta, it-tobba fil-pajjiż inkwistjoni jkunu jistgħu jidħlu fir-rekords mediċi tal-individwu b’aċċess immedjat li jista’ jkun determinanti bejn ħajja u mewt ta’ individwu. 

Benefiċċju ieħor ta’ din it-teknoloġija huwa li se tkun faċilitata r-riċerka fuq mediċini ġodda, bir-riżultat ikun li l-prezzijiet tal-mediċini jkunu orħos u b’hekk ikunu aktar sostenibbli. 

F’terminu ta’ żmien relattivament qasir pajjiżna diġà sar sinonmu mat-teknoloġija blockchain u huwa rikonoxxut li qiegħed fuq quddiem fit-tmexxija ta’ dan il-qasam, tant li r-referenza għal pajjiżna diġà hija Malta – the blockchain island.

​​