STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Beda t-tilqim kontra l-influwenza

Reference Number: PR182221, Press Release Issue Date: Oct 15, 2018
 
Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne żar iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, wieħed mill-postijiet fejn illum beda t-tilqim kontra l-influwenza. Għall-ħmistax-il ġurnata li ġejjin it-tilqim se jingħata lil dawk l-aktar vulnerabbli biex f’Novembru t-tilqima tkun disponibbli għal kulħadd mingħajr ħlas.

“It-tilqim hu l-aħjar prevenzjoni kontra l-influwenza. Is-sena l-oħra l-influwenza kienet aggressiva ħafna, tant li kienet affettwat kważi 17% tal-populazzjoni u kienu ngħataw madwar 93,000 tilqima. L-influwenza tista’ tkun perikoluża. Is-sena li għaddiet madwar 450 persuna kellhom jiddaħħlu Mater Dei kawża tagħha, għalhekk hu ferm importanti li t-tilqima tittieħed. Ħafna pajjiżi rrappurtaw li l-influwenza ta’ din is-sena hi inqas aggressiva madanakollu l-influwenza hi imprevidibbli, bit-tendenza tkun li l-aggressività tagħha tvarja, allura trid tkun preparat għal kull eventwalità. Ma konniex lesti nieħdu riskju u għalhekk ordnajna l-istess ammont ta’ vaċċin li ġibna s-sena l-oħra, 100,000 bi spiża ta’ €260,000”, qal id-Deputat Prim Ministru.

Mil-lum sal-aħħar tax-xahar it-tilqim beda jingħata lill-membri tal-Korp tal-Pulizija; lill-membri tal-Armata; lill-membri tal-Protezzjoni Ċivili, lill-impjegati taċ-ċentri ta’ detenzjoni u taċ-ċentri miftuħin; lill-impjegati fis-servizzi veterinarji, lill-ħaddiema tal-Biċċerija; lill-ħaddiema tad-Dipartiment tat-Tindif; lill-uffiċjali tad-Dwana fl-ajruport u fil-port; lill-istaff tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u lill-priġunieri; lill-istudenti fi skejjel speċjali; lil persuni ta’ età minn 55 sena ’l fuq; lit-tfal ta’ bejn sitt xhur u ħames snin u lill-persuni li jbatu minn mard respiratorju, mard tal-qalb, kliewi u fwied, mard tad-dijabete, HIV u AIDS. 

It-tilqim kontra l-influwenza se jingħata miċ-ċentri tas-saħħa u mill-kunsilli lokali. Iċ-ċentri tas-saħħa kollha se jkunu miftuħin mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.00 ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ waranofsinhar. Apparti hekk, iċ-ċentri tas-saħħa tal-Mosta, ta’ Raħal Ġdid u l-Furjana se jkunu miftuħin ukoll bejn is-2.30 p.m. u s-7.30 p.m. mit-Tnejn sas-Sibt.