STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Numru ta’ servizzi ġodda ta’ kull sena fil-qasam tal-kardjoloġija

Reference Number: PR182269, Press Release Issue Date: Oct 19, 2018
 

Ta’ kull sena d-Dipartiment tal-Kardjoloġija jkompli jżied is-suċċessi u s-servizzi għal ġid tal-pazjenti. Fil-fatt matul din is-sena kien hemm mat-18-il innovazzjoni fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija. Dan qalu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne waqt li indirizza l-konferenza annwali tas-Soċjetà tal-Kardjoloġija f’Malta.

Id-Deputat Prim Ministru qal li, iżda, minkejja dawn is-suċċessi fil-kardjoloġija b’uħud mill-interventi nkunu fost l-ewwel fid-dinja li nagħmluhom, xorta l-mard kardjovaskulari għadu l-akbar qattiel f’pajjiżna. Dan għalkemm, żied id-Deputat Prim Ministru l-mard kardjovaskulari jista’ jiġi evitat. Żied jgħid li għalhekk huwa importanti li niffukaw aktar fuq il-prevenzjoni u r-riskji tal-istil ta’ ħajja li wieħed jgħix. 

Id-Deputat Prim Ministru tkellem ukoll dwar kors mhux kliniku immirat għall-ħaddiema kollha li jmissu mal-pazjenti. “Għalkemm huwa tajjeb li l-professjonisti jkejlu r-riżultati b’kemm aktar pazjenti qed jgħixu, għandhom iżommu f’moħħhom li mhux qegħdin jittrataw ma’ organu iżda ma’ pazjent,” qal id-Deputat Prim Ministru.​