Il-Kultura f’Malta

Culture_2.jpg

Il-gżejjer Maltin huma mogħnija b’kultura estremament rikka, li hija marbuta mal-istorja tant imżewqa tagħhom li tmur lura eluf ta’ snin. Għalhekk mhux ta’ b’xejn li fil-gżejjer Maltin isiru diversi attivitajiet u avvenimenti fosthom festi annwali u okkażjonijiet speċjali.

Fost dawn il-ħafna festivals u tradizzjonijiet hemm il-Karnival li jsir fi Frar. Dan idum għaddej ġimgħa u jagħti bidu għall-perijodu sejru tar-Randan.  F’din l-okkażjoni tal-Karnival it-tfal u anke l-kbar jilbsu l-kostumi u jisfilaw fil-parata tipika tal-karnival immexxija minn karrijiet ikkuluriti u brijużi fil-Belt Valletta. Min-naħa l-oħra, f’Għawdex, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival tan-Nadur jieħdu xejra iktar makabra!

Il-ġimgħat ta’ preparazzjoni għall-Għid huma ferm sinifikanti għall-poplu Malti, li bi ħġaru jżur il-knejjes Maltin biex ifakkar il-mewt u l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu Kristu. Isiru purċissjonijiet solenni fit-toroq fejn jinġarr ukoll il-Kurċifiss. Għal iktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir, ikklikkja 
hawn.

Wara l-Għid tiġi l-festa ta’ San Girgor. Dakinhar ikun hemm purċissjoni li titlaq mill-kappella ta’ San Klement fiż-Żejtun nhar ta’ Erbgħa wara Ħadd il-Għid, imbagħad ħafna nies imorru dik li hija magħrufa bħala x-xalata fil-villaġġ tas-sajd Marsaxlokk. Il-festa li jmiss hija dik tal-Imnarja jew il-festa ta’ San Pietru u San Pawl, u din tiġi ċċelebrata fid-29 ta’ Ġunju. Din id-darba jittella’ festival folkloristiku u tal-ħsad, iżda tajjeb infakkru li din hija wkoll festa reliġjuża. Ħafna familji jiddeċiedu li jqattgħu din il-ġurnata l-Buskett fejn issir wirja agrikola u jkun hemm anke tiġrijiet taż-żwiemel u tal-ħmir.

Dan kollu jixhed il-fatt li l-maġġoranza tal-poplu Malti huwa Kattoliku, u dan jispjega d-diversi attivitajiet reliġjużi li tista’ tgħid isiru matul is-sena kollha. B’mod partikolari hemm il-festi tal-irħula u l-bliet li matulhom it-toroq jiżżejnu bi statwi, bnadar u bandalori u minn fejn jgħaddu l-marċ u l-banda. (ikklikkja 
hawn għal lista ta’ festi fl-2012). Dawn il-festi, fejn jiġi ċċelebrat il-qaddis jew qaddisa patrun tar-raħal, jibdew wara Ħadd il-Għid u jibqgħu sejrin tul is-sajf kollu sa Settembru. Il-festi tal-irħula u l-bliet f’Malta huma kkaratterizzati minn murtali tal-art u tal-ajru b’wirjiet spettakolari ta’ kuluri.

F’Malta, il-logħob tan-nar ma jsirx biss fil-festi, iżda żdied magħhom il-Festival tal-Murtali tar-rebbiegħa li issa sar avveniment tradizzjonali. L-ispettaturi jistgħu jaraw wirjiet spettakolari ta’ logħob tan-nar fil-Port il-Kbir fil-Belt, maħdum minn għaqdiet pirotekniċi lokali u barranin.

Il-Milied huwa t-tieni festa l-aktar importanti f’pajjiżna. F’Malta jsiru wirjiet ta’ presepji u jiġu organizzati serati ta’ kant ta’ għanjiet tal-Milied. Issir ukoll il-pantomina, u fil-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta jkun hemm il-kant ta’ għanjiet reliġjużi tal-Milied f’atmosfera ta’ festa fid-dawl tax-xemgħat.


ĊELEBRAZZJONIJIET OĦRA

Matul is-sena jsiru diversi ċelebrazzjonijiet oħra fosthom: ​

   Jum il-Vitorja: 
Din hija festa pubblika ċċelebrata fit-8 ta’ Settembru u li tfakkar tliet dati importanti għal Malta: it-twelid tal-Madonna, tmiem l-Assedju l-Kbir tal-1565 u l-ġurnata li fiha l-Italja ċediet għall-Alleati fit-Tieni Gwerra Dinjija. F’dan il-jum issir ir-regatta tradizzjonali fil-Port il-Kbir.

   In Guardia: Rappreżentazzjonijiet tal-ispezzjonijiet regolari tal-fortizza u t-truppi mill-Kmandant tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Dawn isiru kull nhar ta’ Ħadd is-sena kollha.

  Alarme: 
Rappreżentazzjoni tar-ribelljoni tal-Maltin kontra t-tmexxija ta’ Napuljun fl-1800, li wasslet biex il-Franċiżi telqu minn Malta. Dawn ir-rappreżentazzjonijiet isiru fit-tielet Ħadd tax-xahar bejn Frar u Novembru.

   Notte Bianca: Waħda mill-avvenimenti annwali internazzjonali li jittellgħu anke f’Malta hija n-Notte Bianca. F’Malta din il-lejla msaħħra kisbet popolarità kbira. Il-belt kapitali tkun mixgħula u l-poplu jkun jista’ jgawdi ħafna attivitajiet kulturali l-lejl kollu. Fil-fatt, il-mużewijiet u l-postijiet storiċi jkunu miftuħa kollha u l-entratura għalihom tkun bla ħlas.​​​