L-Arti f’Malta

Art2.jpg

Malta ntgħażlet biex tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018. Il-Belt Valletta diġà qed tħejji ruħha għal dan. Dan ifisser li kulma jmur il-kultura qed tispikka fl-aġenda nazzjonali, u x-xogħlijiet artistiċi qed jingħataw
importanza liema bħalha iktar minn qatt qabel.

L-ewwel nett, it-teatru ħa spinta ’l quddiem u kull sena qed jittellgħu ħafna iktar produzzjonijiet kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Illum hemm ħafna postijiet fejn wieħed jista’ jmur jara xi produzzjoni Maltija jew inkella xi spettaklu internazzjonali li jkun għaddej fuq tour f’pajjiżna.

Fost dawn il-postijiet hemm it-
Teatru Manoel, li huwa t-tielet l-eqdem teatru attiv fl-Ewropa. Inbena fl-1731 mill-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena u għadu jintuża sal-lum tista’ tgħid is-sena kolla biex fih jittellgħu kunċerti, opri u drammi kif ukoll, ma jistax jonqos, il-pantomina tal-Milied tant popolari mal-Maltin. Ta’ kuljum isiru wkoll żjarat bil-gwida tat-teatru kif ukoll tal-mużew li jagħmel parti minn dan it-teatru.

Fit-teatru Manoel tista’ tara wkoll kunċerti mtellgħa mill-
Orkestra Filarmonika Nazzjonali li sservi bħala pjattaforma importanti għall-kompożituri Maltin. Din l-orkestra regolarment torganizza kunċerti ta’ mużika klassika u kontemporanja, iżda anke spettakli għat-tfal. Hemm ukoll Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Kavallier ta’ San Ġakbu u teatru miftuħ ipproġettat fuq is-sit tat-Teatru Rjal; dawn kollha jinsabu fil-belt kapitali. 

Reċentement Malta saret popolari wkoll għall-festivals tal-arti li normalment jittellgħu fis-sajf. Dawn jinkludu l-
Malta Arts Festival, li matulu jiġu ppreżentati spettakli lokali u barranin mill-aqwa artisti f’diversi postijiet f’Malta, u l-Malta Jazz Festival, li jsir kull sena f’Lulju ma’ xatt il-baħar f’Ta’ Liesse fil-Belt Valletta. F’dan il-festival jesebixxu ruħhom serje ta’ artisti Maltin u internazzjonali tal-ogħla livell li jipprovdu spettaklu u divertiment lill-udjenza tagħhom b’diversi stili ta’ mużika jazz.

Fil-gżira ta’ Għawdex l-arti ma tonqosx. Il-
Festival Mediterranea huwa festival li jsir kull sena fil-ħarifa u li jivvalorizza l-arti u l-kultura ta’ Għawdex. Wieħed jista’ jisma’ mużika lokali jew imur xi passiġġata fl-ambjent tipiku Għawdxi fejn ikompli jiskopri u jissaħħar bil-kultura u l-istorja tagħna. Isiru wkoll taħditiet proprju f’dawn il-postijiet storiċi. L-aħħar u mhux l-inqas, wieħed jista’ jduq ikel u xorb tipikament Mediterranju f’dan l-ambjent karrateristiku Għawdxi li jkompli jżewwaq din l-esperjenza unika.

Għal xi ħaġa purament tradizzjonali Maltija hemm il-
Festival Nazzjonali tal-Għana. Din iċ-ċelebrazzjoni tal-mużika folkloristika Maltija tkun mifruxa fuq tlitt ijiem, u matulha ma tonqosx il-mużika folkloristika minn pajjiżi oħra, kif ukoll wirjiet artiġanali u ikel lokali.

Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-avvenimenti artistiċi f’Malta huma possibbli permezz tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti
. Minbarra li jappoġġjaw lill-artisti u joffru korsijiet f’Malta, jittellgħu wkoll regolarment esibizzjonijiet ta’ skulturi, kunċerti u taħditiet storiċi.

 
​​​​​