Postijiet ta' Interess



Storja rikka, attrazzjonijiet uniċi, postijiet ta’ divertiment … f’Malta ssib dan kollu u mhux biss!

F’Malta nsibu taħlita tassew unika u interessanti ... mill-eqdem tempji fid-dinja, palazzi antiki meraviljużi, xogħlijiet imprezzabbli ta’ Caravaggio kif ukoll arti u snajja’ bħar-rakkmu u x-xogħol fin tal-bizzilla maħduma bl-idejn sa għadd kbir ta’ swali taċ-ċinema u postijiet ta’ divertiment tassew moderni. Il-gżejjer Maltin għandhom biex jolqtu l-gosti kollha ta’ kulħadd – kbar u żgħar.

Ma nistgħux ma nsemmux il-veduti spettakolari li jgawdu dawn il-gżejjer
. Proprju minħabba l-pożizzjoni tagħha fiċ-ċentru tal-baħar Mediterran u minħabba l-arkitettura formidabbli tagħha, Malta ġibdet l-attenzjoni ta’ diversi xeneġġjaturi u diretturi tal-films, u saħansitra f’Malta nġibdu films ippremjati b’Awards bħal Gladiator u Midnight Express.


Siti ta’ Patrimonju Dinji

It-
Tempji Neolitiċi ta’ Malta flimkien mal-Ipoġew huma Siti ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO. It-tempji imponenti tal-Ġgantija fix-Xagħra Għawdex huma l-eqdem tempji fid-dinja. Huma affaxxinanti u misterjużi għaliex ħadd ma jaf eżattament kif u għalfejn inbnew. Il-leġġenda tgħid li kienu nies ġganti li bnew dawn it-tempji, u dan minħabba l-ġebel ta’ dimensjonijiet enormi li jsawru dawn it-tempji majestużi.


Il-Mużewijiet

Ċertament il-mużewijiet huma xhieda tar-rikkezza tal-passat tal-gżejjer Maltin. Fil-
Mużew tal-Arkeoloġija nsibu l-istatwa oriġinali tal-Mara l-Ħoxna li nstabet fit-tempju ta’ Ħal Saflieni, filwaqt li fil-Mużew tal-Folklor immorru lura fiż-żmien u napprezzaw is-sempliċità tal-ħajja rurali, ix-xogħol fin tal-idejn u s-snajja’ artiġjanali tant antiki tal-abitanti ta’ dawn il-gżejjer fiż-żminijiet imgħoddija.

F’pajjiż imdawwar kompletament bil-baħar ma jistgħux jonqsu l-oġġetti antiki tal-baħar u l-bosta tifkiriet tal-baħħara li jirrakkuntaw l-istorja marittima ta’ Malta. Pereżempju, fil-
Mużew Marittimu ta’ Malta naraw mudell tad-dgħajsa tradizzjonali Maltija msejħa d-Dgħajsa tal-Latini, filwaqt li l-Mużew tal-Gwerra jagħti l-opportunità lill-viżitaturi jivvjaġġaw lura fiż-żmien ta’ tbatija u faqar tal-ħajja tal-abitanti tal-gżejjer Maltin matul l-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-bini nnifsu li jakkomoda dawn il-mużewijiet għandu valur imprezzabbli. Il-
Mużew tal-Arti jinsab f’bini majestuż tal-istil Rokokò, filwaqt li l-Mitħna ta’ Kola, li għadha taħdem, tieħdok lura fiż-żmien rurali Malti, fil-ħajja agrikola u sempliċi li kienu jgħixu missirijietna.


Il-Knejjes u l-Postijiet Reliġjużi

Il-Maltin huma fost l-eqdem popli Nsara fid-dinja u dan jixhdu l-fatt li, fost l-oħrajn, fil-gżejjer Maltin in-numru ta’ knejjes ilaħħaq 365! Meta tqis iċ-ċokon ta’ Malta dan huwa numru tassew impressjonanti. Hawn diversi knejjes ddedikati lil San Ġwann u, ma jistax jonqos, lil San Pawl, Missier Malta Nisranija, nawfragat f’Malta fis-sena 60 AD.

Il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann
huwa ġojjell tal-arti u l-arkitettura Barokka. F’dan il-Katidral insibu l-kwadru famuż ta’ Caravaggio li jfakkar qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann. Il-koppla tal-Knisja tal-Mosta hija r-raba’ l-akbar koppla fid-dinja. Din baqgħet famuża għaliex fit-Tieni Gwerra Dinjija waqgħet bomba fuqha li baqgħet dieħla fil-Knisja bla ma splodiet – miraklu tassew għan-nies li kienu jinsabu fiha dak il-ħin!

Il-Katidral tal-Imdina
huwa xogħol artistiku meraviljuż ta’ Lorenzo Gafà li fih ukoll xogħlijiet kbar tal-arti ta’ Mattia Preti, u dab jinsab fil-belt antika tal-Imdina li ssaħħrek bit-toroq imserrpin tagħha. Pellegrini u turisti kurjużi m’għandhomx jonqsu milli jżuru l-Bażilika Ta’ Pinu f’Għawdex. Jgħidu li kien proprju dan is-santwarju li salva lill-gżira ta’ Għawdex mill-pesta u llum il-ġurnata mijiet ta’ nies iħallu tifkiriet u ringrazzjamenti għall-grazzji maqlugħa.


Fortifikazzjonijiet u Torrijiet

Malta hija magħrufa bħala l-Gżira Fortizza minħabba l-abbundanza ta’ bini maħsub għad-difiża tagħha mill-għadu tul iż-żminijiet. Il-fortifikazzjonijiet jistgħu jinqasmu f’żewġ perijodi: dawk ta’ żmien il-Kavallieri u dawk ta’ żmien l-Ingliżi. Malta hija miżgħuda b’tifkiriet tal-gwerra, minn fortizzi u torrijiet tal-għassa tas-seklu sbatax sa xelters tat-Tieni Gwerra Dinjija. Dan jista’ jiġi apprezzat aħjar b’mawra tal-
Victoria Lines, linja difensiva fortifikata mibnija tul il-Qasma l-Kbira (Great Fault), li taqsam Malta mil-Lvant għall-Punent. U xi ngħidu għal mixja tul is-swar imponenti tal-Belt Valletta jew l-Imdina, għal taħlita ta’ storja u panorama meraviljuża.


Teatri u Ċinemas

Spettakli teatrali, kummiedji, kunċerti klassiċi u wirjiet mużikali huma fost il-varjetà ta’ attivitajiet ta’ divertiment li tista’ ssib f’Malta.
Il-Kavallier ta’ San Ġakbu joffri l-opportunità li tmur tara xi eżibizzjoni kulturali jew inkella xi dramm, filwaqt li jekk tippreferi l-opra hemm it-Teatru Astra u t-Teatru Aurora f’Għawdex. Ma jonqsux il-kunċerti klassiċi fit-Teatru Manoel, teatru ta’ min iżuru anke għall-arkitettura straordinarja tiegħu li tmur lura għal żmien il-Kavallieri. It-Teatru Manoel huwa meqjus bħala t-tielet l-eqdem teatru attiv fl-Ewropa.

Jekk tixtieq tmur tara xi film għandek għażla wiesgħa ta’ swali taċ-ċinema f'Malta u 
f’Għawdex. 


Sports u Attivitajiet

Ġeneralment Malta tgawdi minn temp sabiħ u klima ideali s-sena kollha għal għadd ta’ attivitajiet sportivi fil-beraħ jew inkella fil-baħar. Tista’ tmur
togħdos fil-Baħar Mediterran u tiskopri d-dinja meraviljuża ta’ taħt il-baħar, jew forsi tippreferi xi dawra mal-gżejjer Maltin fuq yacht. Għal min iħobb il-kampanja, tista’ tmur xi ġita bir-rota fejn ikollok ċans tapprezza l-pajsaġġ tipiku Malti, jew ipprova l-l-isparar għall-plattini.


Attrazzjonijiet Kulturali

Is-7,000 sena ta’ storja tal-gżejjer Maltin ħallew it-timbru tagħhom fid-diversi bliet antiki Maltin bħall-Belt Valletta, l-Imdina, ir-Rabat u t-Tlitt Ibliet. Nissuġġerulek iżżur dawn il-postijiet fejn fost l-oħrajn tista’ tgawdi l-esperjenza unika tal-
Imdina Dungeons, tesplora l-passat reliġjuż ta’ Malta permezz ta’ wirjiet organizzati, jew inkella tattendi xi attività kommemorattiva taż-żmien Medjevali jew xi lejla folkloristika Maltija.


Attra
zzjonijiet Naturali

Is-sbuħija naturali ta’ Malta timmanifesta ruħha kemm fuq il-baħar kif ukoll taħt il-baħar
. Waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin hija l-għerien pittoreski tal-Blue Grotto. Hemm ukoll l-Għar ta’ Kalipso li jfakkarna fl-Odissea ta’ Omeru, preċiżament meta n-ninfa attraenti Kalipso li kienet tħobb lil Ulisse żammitu priġunier għal seba’ snin. It-Tieqa tad-Dwejra mbagħad hija post ieħor ta’ min iżuru. Din hija tieqa fil-blat li ffurmat b’mod naturali u minnha tidher ix-xemx tiżreġ fuq il-baħar ikħal.


Ġbid ta’ Films f’diversi Postijiet f’Malta

Malta saret wieħed mill-pajjiżi l-aktar popolari fl-Ewropa li joffri
postijiet ideali għall-ġbid ta’ films ċinematografiċi u televiżivi, tant li ġiet imlaqqma l-mini-Hollywood tal-Mediterran. Fil-fatt f’Malta nġibdu għadd ta’ produzzjonijiet Hollywoodjani bħal Gladiator, U-571, The Count of Monte Cristo, Troy, Munich, u drammi u sensiliet televiżivi prestiġjużi bħal Byron tal-BBC, Coronation Street tal-ITV kif ukoll sensiela ta’ ħames films fuq Canale 5 bl-isem Souvenirs. Il-Villaġġ ta’ Popeye ħa ismu proprju mill-film ambjentat fih. Is-sett tal-iffilmjar tħalla f’postu u dan il-villaġġ inbidel f’attrazzjoni turistika divertenti għat-tfal u anke l-kbar!

​​​​​