Aġenziji tal-Gvern għat-Tfal

​Toddler
Aġenziji tal-Gvern għat-Tfal

Il-Kummissarju għat-Tfal

Pauline Miceli hija l-
Kummissarju għat-Tfal. Hija taħdem direttament mat-tfal biex tħares l-interessi tagħhom u tara x’inhuma l-bżonnijiet tagħhom. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal f’Malta twaqqaf bl-għan li jiffoka fuq il-ħarsien tat-tfal u drittijiethom, kif ukoll biex jipprovdi s-servizzi neċessarji għall-benefiċċju tat-tfal. Dan l-uffiċċju jissorvelja l-oqsma u s-setturi kollha relatati mat-tfal f’Malta u jiżgura li jitfasslu politiki li jiffavorixxu l-familja u li fuq kollox ikollhom bħala prijorità l-ġid tat-tfal.


L-
Aġenzija Appoġġ

L-
Aġenzija Appoġġ hija l-aġenzija nazzjonali ċentrali għat-tfal u l-familji fil-bżonn. L-għan tagħha huwa li tgħin lill-persuni fil-bżonn u ttejjeb l-istil ta’ ħajjithom. Hija tagħmel dan billi tipprovdi kura u appoġġ professjonali permezz ta’ servizzi bbażati fil-komunità u servizzi soċjali speċjalizzati. L-Appoġġ hija l-aġenzija nazzjonali ċentrali għat-tfal u l-familji fil-bżonn.

Din hija lista ta’ servizzi li tipprovdi l-Aġenzija Appoġġ
:

   Tagħti għajnuna immedjata lill-persuni fil-bżonn
   Tappoġġja lill-familji fil-ħtiġijiet tagħhom, b’enfasi partikolari fuq dawk il-persuni li jkunu wkoll ġenituri. L-għan hu li tiżgura li t-tfal ikollhom ambjent san u xieraq fejn jikbru u jitrabbew
   Tirreferi persuni għar-riżorsi adegwati biex ikunu jistgħu jieħdu l-benefiċċji intitolati għalihom
   Tgħin biex il-komunitajiet isiru sostenibbli u jappoġġjaw aktar lill-familji u persuni oħra residenti f’dawn il-komunitajiet
   Toffri appoġġ u protezzjoni lit-tfal abbużati jew f’riskju ta’ abbuż
   Toffri appoġġ lit-tfal li jgħixu f’residenzi u istituti għat-tfal
   Tipprovdi familji alternattivi lit-tfal meta jkun aħjar li ma jgħixux fil-familja tal-oriġini tagħhom
​​   Tappoġġja u tgħin lil persuni adulti f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u tipprovdilhom servizzi terapewtiċi.


L-
Aġenzija Sedqa

Dawk il-persuni li qed jippruvaw joħorġu mill-vizzju tad-droga
, l-alkoħol jew il-logħob tal-azzard, jew dawk il-persuni li jafu b’xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna, għandhom jirrikorru għand l-Aġenzija Sedqa. L-Aġenzija taħdem biex tippromwovi s-saħħa, u tipprovdi tagħlim u edukazzjoni għall-prevenzjoni tat-teħid tad-droga. Barra minn hekk hija tgħin ukoll lill-familji tal-persuni li jabbużaw mid-droga.

L-Aġenzija Sedqa torganizza wkoll seminars għat-tfal tal-iskola biex tedukahom dwar is-saħħa, id-droga u l-alkoħol, u tipprovdi programmi għall-persuni bil-vizzju tad-droga u l-abbuż tal-alkoħol, il-logħob tal-azzard kompulsiv u dipendenzi oħra.


L-Aġenzija Sapport

Il-persuni b’diżabilità u l-persuni li jieħdu ħsieb lil xi ħadd b’diżabilità jistgħu jirrikorru għand l-
Aġenzija Sapport, li tagħmel dak kollu possibbli biex tgħin lil dawk fil-bżonn. Hija toffri servizzi innovattivi u personalizzati ta’ appoġġ, pariri esperti u assistenza attiva biex il-persuni b’diżabilità jkunu involuti fil-komunità bħal kwalunkwe persuna oħra.

Waħda mill-ikbar preokkupazzjonijiet tal-ġenituri u l-
carers ta’ persuni b’diżabilità hija l-inċertezza dwar il-ġejjieni ta’ wliedhom jew ħuthom meta huma jiġu neqsin jew għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu jibqgħu jieħdu ħsiebhom.

Aktar milli kura, din l-aġenzija tipprovdi appoġġ
permezz tad-Diviżjoni tal-Għajxien b’Appoġġ, sabiex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jiksbu l-indipendenza fil-limiti tal-possibilitajiet tagħhom, ikomplu jgħixu fil-komunità u jirċievu l-appoġġ kif u meta jixtiequ.​​​​​​​​​​​