Is-Servizzi tal-Gvern

 

L-Allowance għat-Tfal u l-Benefiċċji tal-Maternità

Il-kotba tal-iskola, il-​ħwejjeġ u ż-żraben, l-ikel, il-lezzjonijiet tal-ballet … il-kontijiet dejjem jiżdiedu meta jkollok it-tfal. Biex jgħinek waqt it-trobbija tat-tfal, il-Gvern Malti jipprovdi
Allowance għat-Tfal​ ikkalkulata skont id-dħul tiegħek.

Hemm allowance apposta għat-tfal b’diżabilità. Biex tibbenefika minn din l-Allowance għat-Tfal b’Diżabilità għandek tippreżenta ċertifikat tat-tabib, u l-każ jiġi evalwat minn bord ta’ professjonisti tas-saħħa. L-allowance tibqa’ tingħata sal-età ta’ 16-il sena.

Il-persuni li jkunu qed jieħdu ħsieb xi tifel jew tifla bħala fostering jirċievu
Allowance għall-Foster Care. Kwalunkwe familja, koppja miżżewġa jew persuna waħedha (f’każijiet speċifiċi biss), indipendentement mill-età, il-klassi, ir-razza u r-reliġjon, tista’ ssir foster carer wara li tkun għamlet it-taħriġ u tkun ġiet assessjata u approvata mill-Bord tal-Fostering u l-Adozzjoni.

In-nisa tqal jistgħu jkunu intitolati għall-
Benefiċċji tal-Maternità mogħtija mill-Gvern Malti jew għall-Benefiċċji tal-Lif tal-Maternità pprovduti mill-post tax-xogħol.

Biex tirċievi l-
Benefiċċji tal-Maternità trid tkun bla xogħol jew inkella ma tkunx qed tieħu Lif tal-Maternità mill-post tax-xogħol tiegħek. Għandek tapplika għal din l-allowance fit-tmien xahar tat-tqala jew jekk kellek tarbija f’dawn l-aħħar sitt xhur.


Il-
Benefiċċji tal-Lif tal-Maternità huma indirizzati lejn in-nisa impjegati jew li jaħdmu għal rashom f’Malta li għadu kemm kellhom tarbija u qed jieħdu l-lif tal-maternità.


Benefiċċji Oħra

Jekk inti l-kap tal-familja u qed tirċievi għajnuna soċjali jew għajnuna  finanzjarja minħabba l-marda tat-tuberkulożi, tista’ tirċievi
Benefiċċju ta’ Għoti ta’ Ħalib jekk tkun qed tieħu ħsieb tarbija ta’ inqas minn 40 ġimgħa li jkollha tieqaf tieħu l-ħalib tal-omm, jew ikollha bżonn nutrimenti addizzjonali jew ma tkunx tista’ tieħu l-ħalib tal-omm minħabba raġunijiet mediċi.

Il-Gvern jipprovdi għajnuna soċjali u għall-qgħad lill-persuni bla xogħol, persuni waħedhom, ġenituri mhux miżżewġa, carers jew persuni li jkunu qed jirriabilitaw ruħhom mill-vizzju tal-alkoħol jew tad-droga. Ikklikkja
hawn għal aktar informazzjoni dwar l-Għajnuna Soċjali jew l-Allowance tal-Qgħad.