Ġenituri li jkunu qed jistennew tarbija

​Pregnant woman
 

L-istennija ta’ żieda fil-familja huwa żmien eċitanti, iżda li miegħu jista’ jġib ċerti biżgħat jew ansjetajiet. Jekk din hija l-ewwel tarbija tiegħek, x’aktarx li jkollok iktar mistoqsijiet u dubji minn dawk li diġà għaddew minn din l-esperjenza. Tajjeb taġġorna ruħek bl-aħħar tagħrif dwar it-tqala u l-wasla ta’ tarbija ġdida billi tikklikkja hawn.


L-ippjanar tat-tqala

Il-konċepiment ġeneralment iseħħ ġimagħtejn qabel il-menstruwazzjoni. Peress li huwa diffiċli li tkun taf eżattament meta tkun inqbadt tqila, l-aħjar huwa li tassumi li inti tqila biex b’hekk tħares saħħtek u saħħet it-tarbija li tista’ tkun qed iġġorr fil-ġuf. L-ewwel perjodu ta’ tmien ġimgħat tat-tqala huwa l-iktar fażi sensittiva għat-tarbija, għax proprju f’dan iż-żmien jibdew jiffurmaw il-fattizzi u l-organi tagħha. Għandek toqgħod kemm jista’ jkun attenta għal dak li tiekol u tixrob, fejn tmur, u x’tagħmel waqt it-tqala. Ikklikkja
hawn għal aktar informazzjoni dwar l-ippjanar tat-tqala.


In-nutrizzjoni waqt it-tqala

Ovvjament, waqt it-tqala, li tieħu ħsieb saħħtek huwa importanti għalik daqs kemm hu għat-tarbija fil-ġuf.

Dawn huma ftit suġġerimenti utli li tajjeb issegwi qabel it-tqala kif ukoll meta tkun qed tipprova tinqabad tqila:

   Agħmel
check-ups regolari
   Mur għand id-dentist biex tevita mard tal-ħalq, infezzjonijiet u tħassir tas-snien
   Aċċerta ruħek li l-piż tiegħek huwa tajjeb, u ara li tiekol tajjeb u tagħmel eżerċizzju regolari
   Jekk tpejjep, agħmel ħiltek kollha biex tieqaf!


X’għandek tiekol

Ikun tajjeb li tippjana l-ikliet tiegħek biex tkun ċerta li qed tinkludi n-nutrijenti kollha li għandek bżonn.  L-aħjar hu li tiekol ikliet żgħar u regolari l-ġurnata kollha. Dan jgħinek biex tevita d-dardir. Tajjeb ukoll li tevita ikel bi ħwawar qawwija jew moqli u likwidi mal-ikel, kul karboidrati bħall-ħobż malli tqum u evita li tmur timtedd eżattament wara li tiekol.

Ikel tajjeb għas-saħħa jfisser li jkun jinkludi varjetà kbira ta’ ikel mill-erba’ gruppi ewlenin:

   Ħobż, ċereali, ross u għaġin
   Frott u ħaxix
   Ħalib u prodotti tal-ħalib
   Ħut, laħam, tiġieġ u bajd

Barra minn hekk, kun żgura li qed tieħu biżżejjed minn dawn li ġejjin
:

   Kalċju: dan huwa bżonjuż għall-formazzjoni tal-għadam u s-snien. Is-sorsi tal-kalċju jinkludu l-prodotti tal-ħalib bħall-ġobon u ovvjament il-ħalib.
   Vitamina D: din il-vitamina tgħin l-assorbiment tal-kalċju. Tista’ tinkiseb direttament mix-xemx jew inkella minn ċertu ikel bħal pereżempju l-marġerina u l-ħut żejtni.
   Ħadid: dan huwa meħtieġ għaċ-ċelloli l-ħomor fid-demm. Inti għandek bżonn iktar demm għat-tarbija. Sorsi tal-ħadid jinkludu l-laħam abjad, iċ-ċereali bis-supplimenti tal-ħadid u l-ħaxix.
   Vitamina Ċ: din il-vitamina tgħin fl-assorbiment tal-ħadid. Kul il-frott taċ-ċitru, il-ħaxix aħdar imwerraq, il-patata, it-tadam u l-frawli.
   Aċidu Foliku: dan jipproteġi mill-anemija. Kul l-ispinaċi, il-Brussels sprouts u l-brokkoli. Issibu wkoll fil-ħmira, il-patata bil-qoxra u l-ħobż wholemeal.
   Ilma: ixrob mill-inqas bejn 6 u 8 tazzi ilma kuljum biex tevita d-diżidratazzjoni, infezzjonijiet urinarji u stitikezza.

Ikklikkja
hawn għal aktar informazzjoni dwar x’għandek u x’ma għandekx tiekol waqt it-tqala.


Mard u problemi oħra

Għalkemm probabilment għamilt check-ups regolari, kultant ma tistax tevita li tkun ma tiflaħx waqt it-tqala.

Ovvjament mhux kull infezzjoni hija perikoluża għat-tqala, imma tajjeb li dejjem tkellem lit-tabib tiegħek jekk ma tkunx qed tħossok tajba.

Hawn taħt tista’ ssib lista ta’ mard u infezzjonijiet li tajjeb toqgħod attenta għalihom waqt it-tqala:

   ir-Rubella:
dan il-vajrus jimmanifesta ruħu bħala raxx ħamrani u xi ftit tad-deni. Il-periklu ta’ din l-infezzjoni huwa ikbar fl-ewwel tliet xhur tat-tqala.
   il-Variċella timmanifesta ruħha bħala raxx bi bżieżaq żgħar mimlijin bl-ilma. Madankollu huwa rari li t-tarbija tieħu din l-infezzjoni mingħand l-omm li tkun ħaditha waqt it-tqala.
   Eritema infettiva: din hija pjuttost komuni fit-tfal u hemm ir-riskju ta’ korriment jekk teħodha waqt it-tqala. Evita assolutament il-kuntatt ma’ tfal li jkollhom din l-infezzjoni.
   it-Tuberkulożi: din hija infezzjoni komuni li iżda ma tagħmilx ħsara lit-tarbija fil-ġuf.
   l-EpatiteHemm diversi tipi ta’ epatite, ġeneralment ikkawżati minn vajrus li jattakka l-fwied. Għalkemm tista’ tiġi trasferita lit-tarbija waqt it-tqala u wara li titwieled, din tista’ tiġi kkurata
   Mard Trażmess Sesswalment (STDs): Xi STDs, bħall-HIV, Chlamydia, jew Gonorrhea jistgħu jiġu trażmessi lit-tarbija waqt il-ħlas u għalhekk isiru t-testijiet qabel biex tingħata l-kura neċessarja skont il-ħtieġa.


Alkoħol u droga

Evita l-alkoħol u drogi waqt it-tqala
, għax dan huwa ta’ riskju kemm għall-omm kif ukoll għat-tarbija tagħha. Anke ftit xorb jista’ jkun ta’ ħsara għat-tarbija u jista’ jwassal għal diżabilitajiet intellettwali u fiżiċi. Jiżdied ukoll ir-riskju ta’ korriment u ħlas prematur. Dan ir-riskju jiżdied ukoll jekk l-omm tieħu drogi bħall-kokaina waqt it-tqala. Trabi esposti għal drogi illegali għandhom probabbiltà ikbar li jkollhom problemi ta’ tagħlim u mġiba. 


L-Iktar Ismijiet Popolari għat-Trabi

Luke, Elena, Julia, Matthew? Huwa sabiħ li tagħżel isem it-tarbija tiegħek, iżda liema taqbad tagħżel minn fost il-varjetà kbira ta’ ismijiet li jeżistu? Minkejja l-għażla wiesgħa, jista’ jagħti l-każ li xorta tħossok nieqsa mill-ideat. Hawnhekk issib lista tal-ismijiet l-iktar popolari għat-trabi f’Malta fl-2013.


Korsijiet

Jeżistu korsijiet biex jippreparawk x’għandek tagħmel mill-ewwel fażi tat-tqala sat-twelid tat-tarbija. Dawn il-korsijiet huma organizzati tajjeb ħafna mill-Parentcraft, servizz dinamiku offrut mid-Dipartiment tal-Maternità fl-Isptar Mater Dei. Is-suġġetti huma varji u jinkludu t-treddigħ tat-trabi, id-dieta tal-omm u l-kura ta’ saħħitha u dik tat-tarbija. Jekk tixtieq aktar informazzjoni jew għandek xi pro​​​​blema relatata mal-perjodu ta’ matul u wara t-tqala, tista’ ċċempel fuq il-helpline 2545 5124 jew tikklikkja
hawn.​​​​​​​​​​​​​​​​