Ġenituri ta’ tfal adulti

 

Ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u wliedhom

Hekk kif it-tfal tiegħek ikomplu jikbru u jsiru adulti, naturalment, ir-relazzjoni tiegħek magħhom tinbidel. It-tfal jibdew iħarsu lejk bħala persuna daqshom u mhux superjuri għalihom u f’dan l-istadju jkun tajjeb li tkompli tiżviluppa r-relazzjoni tiegħek magħhom bħala ħbieb.

Huwa naturali li xi drabi l-ġenituri u t-tfal adulti jkollhom xi problema fir-relazzjoni tagħhom. Mhuwiex faċli għal ġenitur li jaċċetta li jibqax l-influwenza ewlenija f’ħajjet uliedu, u min-naħa l-oħra r-rwol tal-ġenituri fil-ħajja tal-ulied jista’ ma jibqax ċar f’għajnejn it-tfal.

Huwa importanti li jiġu aċċettati d-differenzi ta’ xulxin. Tiġġudikax, u ftakar li l-komunikazzjoni hija kollox. Bit-teknoloġija moderna huwa faċli li żżomm il-kuntatt. Ċemplu lil xulxin, ibagħtu emails jew messaġġi fuq il-mowbajl ta’ kuljum, anke biex sempliċement tistaqsi “kif int?”


Kif tgħin lil uliedek fi żminijiet diffiċli

Kollha kemm aħna ngħaddu minn żminijiet diffiċli, min fil-qasam finanzjarju, min fir-relazzjonijiet u min fix-xogħol. Importanti li wliedek ikunu jafu li inti tinsab dejjem hemm għalihom kull meta jkollhom bżonn. Tajjeb li titkellem magħhom dwar il-problemi personali tiegħek għax dan jgħinhom jifhmuk u jsiru jafuk aktar bħala persuna. Dan jgħin ukoll biex tistabbilixxi relazzjoni magħhom bħala adulti ħbieb. B’hekk, ikun iktar faċli anke għalihom li jiftħu qalbhom miegħek dwar il-problemi tagħhom.

​​​​​​​​​​​