Ġenituri ta’ trabi jew tfal żgħar li għadhom ma jmorrux l-iskola

Mum with Children
Ġenituri ta’ trabi jew tfal żgħar li għadhom ma jmorrux l-iskola

Kura tat-tfal

Għalkemm tkun tixtieq tqatta’ ħinek kollu mat-tifel jew tifla tiegħek, ħafna drabi dan ma jkunx possibbli. Jekk il-ġenituri u n-nanniet ikunu jaħdmu jista’ jkollok bżonn tfittex ċentru tal-kura tat-tfal fejn tħalli t-tfal tiegħek waqt li tkun għax-xogħol jew ikollok xi impenn ieħor.

Għandek iżżomm f’moħħok l-affarijiet li ġejjin meta tiġi biex tagħżel ċentru tal-kura tat-tfal:

   Żur iċ-ċentru mat-tfal tiegħek biex tara l-post
   Osserva jekk uliedek jidhrux kuntenti
   Hemm tpinġijiet tat-tfal imdendlin mal-ħitan?
   It-toilets huma ndaf u adattati għat-tfal żgħar?
   Hemm logħob u ġugarelli jew affarijiet oħra ta’ divertiment adattati għall-etajiet tat-tfal?
   Ikseb l-informazzjoni kollha dwar xi programm hemm għat-tifel/tifla tiegħek, u staqsi jekk tkunx tista’ tmur x’ħin trid biex tara lil uliedek.

Ikklikkja
hawn għal pariri aktar dettaljati dwar l-għażla ta’ ċentru għall-kura tat-tfal.

Ikklikkja
hawn għal-lista u d-dettalji tal-kuntatt taċ-ċentri kollha tal-kura tat-tfal li huma reġistrati provviżorjament mad-Dipartiment tal-Istandards  fil-Ħarsien Soċjali.

Qabel ma jsiru operattivi
, iċ-ċentri tal-kura tat-tfal għal matul il-jum jistgħu japplikaw għal permess temporanju. Dan il-permess huwa validu għal sitt xhur biss, imbagħad jekk jiġu ssodisfati l-kriterji neċessarji ssir ir- reġistrazzjoni provviżorja. Hawnhekk tista’ ssib lista tas-Servizzi Temporanjament Reġistrati għall-Kura tat-Tfal Matul il-Jum.


In-Nutrizzjoni

Il-ħtiġijiet nutrittivi u d-drawwiet tal-ikel tat-trabi jinbidlu drastikament huma u jikbru. It-treddigħ jagħti l-ewwel nutriment mill-aqwa lit-tarbija u jgħin ukoll is-saħħa tal-omm. Il-ħalib tal-omm jinbidel maż-żmien skont il-ħtiġijiet tat-tarbija u fih l-antikorpi li jiġġieldu l-mard. Jekk ma tkunx id-dar u ma tkunx tista’ tagħti l-ħalib lit-tarbija, tista’ tuża pompa tas-sider u terfa’ l-ħalib biex iktar tard tisqih lit-tarbija tiegħek mill-flixkun.

Meta taqleb l-ewwel darba mill-ħalib tal-omm għall-ħalib tat-trab, dejjem jekk ma jkunx hemm tendenzi familjari qawwija ta’ allerġija għall-ħalib, l-aħjar għażla hija dik ta’ formula standard abbażi ta’ ħalib.

Malli t-tfal jibdew jikbru, tista’ tibda tintroduċilhom ikel solidu, li għall-ewwel tibda billi tgħaffiġhulhom. L-aħjar mod biex it-tfal jidraw b’ikel tajjeb għas-saħħa huwa li tibdihulhom sa minn ċkunithom.

It-tfal fl-età ta’ qabel l-iskola jikbru b’rata inqas mgħaġġla u ma jiklux porzjonijiet tal-adulti, iżda xorta għandhom bżonn kaloriji biżżejjed biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet ta’ enerġija għall-attività u għad-diversi stadji tal-iżvilupp tagħhom. Tkun idea tajba li qabel l-ikel tqatta’ ftit ħin trankwill mat-tfal, għaliex it-tfal għandhom tendenza li jieklu aħjar meta jkunu rilassati. Evita li tagħtihom ħafna ħlewwiet, xarbiet biz-zokkor jew patata moqlija għaliex dawn ftit li xejn għandhom valur nutrittiv, jagħmlu ħsara lis-snien, u t-tfal iħossuhom mimlijin u jispiċċaw ma jiklux l-ikel it-tajjeb l-iktar adattat għalihom.


Suġġerimenti għall-Ġenituri dwar is-Saħħa u s-Sikurezza

Is-saħħa u s-sikurezza tat-tarbija hija l-ikbar responsabbiltà li għandek bħala ġenitur.

Tajjeb li tkellem lit-tabib jew lill-pedjatra tiegħek għal pariri bażiċi dwar kif tiċċekkja, pereżempju, jekk it-tarbija għandhiex id-deni, tbatix minn xi allerġija, għandhiex xi wġigħ f’żaqqha, tbatix bl-ażżma, jew ikollhiex xi problemi oħra.

It-tilqim mhux xi ħaġa pjaċevoli, la għalik u lanqas għat-tarbija, iżda huwa importanti ħafna biex jipproteġi mill-mard. Il-Gvern Malti joffri tilqim b’xejn għat-tfal. Ikklikkja
hawn biex issir taf x’għandek tagħmel biex tlaqqam lil uliedek, u kklikkja hawn għal-lista ta’ vaċċini f’Malta u f’liema etajiet għandhom jingħataw.

Importanti li inti bħala ġenitur tieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex tevita l-inċidenti tat-trabi u t-tfal żgħar, billi dawn ma japprezzawx il-perikli ta’ madwarhom, speċjalment dawk fid-dar. Fil-fatt faċilment jistgħu jaqgħu t-taraġ jew idaħħlu affarijiet maħmuġin f’ħalqhom. Għandek tiżgura li għamara tqila fid-dar tkun imqiegħda jew marbuta sew biex ma tkunx tista’ bl-ebda mod tinqaleb fuq it-tfal, u tużax dvalji li jistgħu jinġibdu faċilment mit-tfal. L-użu ta’ gradi kemm qabel l-inżul u kemm qabel it-tlugħ tat-taraġ jgħinuk tiżgura li t-tfal ma jaqgħux.
Oqgħod attent/a li ma tħalli qatt affarijiet jew oġġetti żgħar, li jaqtgħu, jew bil-ponta f’idejn it-tfal jew fejn jistgħu jilħquhom.

Waqt is-sewqan, għandu jkollok is-siġġu tas-sikurezza tat-trabi għax iċ-ċinturin tas-sikurezza mhux biżżejjed. Tista’ wkoll tuża ċ-child-locks tal-bibien u t-twieqi tal-karozza, u jekk m’għandhiex tista’ tieħu ħsieb tinstallahom. Tajjeb ukoll li twaħħal sticker fuq il-ħġieġa ta’ wara tal-karozza li tavża lis-sewwieqa ta’ warajk li għandek passiġġieri tfal jew trabi.


Id-Dipressjoni ta’ Wara l-Ħlas

Sfortunatament id-dipressjoni ta’ wara l-ħlas (PND – P
ost-Natal Depression) hija komuni ħafna. Din tolqot l-omm proprju fiż-żmien meta hija suppost tkun tassew ferħana, u mhux anzjuża jew depressa tant li ma tkunx tista’ tieħu ħsieb it-tarbija u tgawdiha. L-omm tista’ tħossha emottiva ħafna u tinfaqa’ tibki ta’ spiss u għal xejn b’xejn. Dan kollu jista’ jkun ikkawżat mix-xokk emozzjonali li tkun sirt omm jew minħabba bidliet fir-relazzjoni mas-sieħeb tiegħek jew għaliex ma tkunx tista’ tlaħħaq.

L-aħbar sabiħa hija li d-dipressjoni ta’ wara t-tqala ttaffi maż-żmien
. Dejjem kellem lit-tabib tiegħek, il-psikjatra jew il-majjistra jekk tkun qed tbati minn din id-dipressjoni, iżda jgħinek ukoll li tiftaħ qalbek ma’ ħaddieħor jew tiltaqa’ ma’ ġenituri oħra u, fuq kollox, ħu ħsieb tiegħek innifsek.

​​​​​​​​​​​​​