Ġenituri ta’ adolexxenti u żgħażagħ

 

Kif tħeġġeġ lit-tfal tiegħek ikomplu jistudjaw 

Ejja ngħidu l-verità. Iż-żmien tal-adolexxenza mhuwiex xi żmien faċli. Kollha għaddejna minnu. Il-bidliet fl-ormoni u magħhom il-burdata mhumiex faċli tiffaċċjahom, u f’dan iż-żmien l-adolexxenti jistgħu jħarsu lejn ommhom u missierhom bħala l-ikbar għedewwa tagħhom. L-istudju jista’ ma jkunx l-ewwel prijorità għat-tfal adolexxenti jew żgħażagħ, iżda imbuttatura żgħira min-naħa tiegħek tista’ tħeġġiġhom jagħmlu sforz biex imorru tajjeb fl-iskola u  jkomplu javvanzaw fl-istudji tagħhom. Dawn huma ftit suġġerimenti għall-ġenituri:

   Faħħar u kkumplimenta lil uliedek meta jagħmlu xi ħaġa tajba
   Uri interess fix-xogħol tal-iskola u l-passatempi tagħhom
   Tagħmilx pressjoni żejda fuq it-tfal adolexxenti/żgħażagħ tiegħek. Ħeġġiġhom biss biex jagħmlu mill-aħjar li jistgħu.
   Għinhom jissettjaw il-miri tagħhom u jsegwu rutina ta’ studju.


Kif tgħin lil uliedek jagħżlu karriera jew impjieg

Bħalma huwa importanti li tgħin lil uliedek fl-istudji, huwa daqstant ieħor importanti li ma tagħmlilhomx pressjoni biex jagħżlu xi karriera jew impjieg partikolari. Tkellem tagħhom biex issir taf x’jixtiequ jagħmlu f’ħajjithom u x’interessi jew ġibdiet għandhom. Is-
sit tal-Università ta’ Malta joffri ħafna informazzjoni dwar il-karrieri li jistgħu jaqbdu, u hemm ukoll konsulenti tal-karriera fl-Università stess. Tajjeb li l-adolexxenti jew żgħażagħ jibdew ukoll jiffamiljarizzaw ruħhom mal-paġni tal-avviżi ta’ postijiet vakanti fil-gazzetti onlajn jew stampati. Minn hawn huma jkunu jistgħu jieħdu idea tal-impjiegi li hemm bżonn fis-suq u jibdew jitgħallmu wkoll kif isibu impjieg. Anke l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ tista’ tkun punt ta’ riferiment tajjeb għal ideat dwar impjiegi u esperjenza ta’ xogħol.


Is-saħħa sesswali u riproduttiva u
r-relazzjonijiet

Għalkemm fl-iskejjel tingħata edukazzjoni dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva
, huwa tajjeb li tiddiskuti s-suġġett tas-sess mat-tfal tiegħek, biex tiggwidahom jagħmlu għażliet tajbin. Importanti li jkunu jafu li jistgħu jitkellmu miegħek dwar dan is-suġġett meta jkollhom xi mistoqsijiet jew dubji. Jekk ma tħossokx komda/komdu titkellem ma’ wliedek dwar dan is-suġġett, tistħix tammetti dan magħhom; dawn żgur li japprezzaw is-sinċerità tiegħek. Madankollu għandek tipprova tkellimhom b’mod ċar u dirett, u tispjegax biss il-fatti: għalkemm huwa importanti li dawn ikunu jafuhom, huwa tajjeb li titkellem magħhom ukoll dwar is-sentimenti, l-attitudnijiet u l-valuri li tixtieq trawwem fihom. Isma’ l-opinjoni ta’ wliedek u ħeġġiġhom ikomplu jiddiskutu. Fakkarhom li dejjem jistgħu jitkellmu miegħek jekk ikollhom xi mistoqsija u urihom li apprezzajt meta huma jiddeċiedu li jiftħu qalbhom miegħek.

Dan jgħodd ukoll għar-relazzjonijiet
. Huwa tajjeb li l-adolexxenti u ż-żgħażagħ ikunu jafu li jistgħu jitkellmu miegħek mingħajr problemi u mistħija dwar ir-relazzjonijiet u dwar kwistjonijiet jew domandi diffiċli marbuta magħhom. Waħda mill-mistoqsijiet komuni hijaKif inkun naf li lest/a jkolli relazzjoni sesswali?” Fakkar lil uliedek li huwa tajjeb li jistennew u li hemm ħafna modi oħra kif juru l-imħabba u l-interess tagħhom f’persuna oħra. It-tgħanniq, il-bews, il-ġesti ta’ mħabba bħall-karezzi jew saħansitra ż-żfin jistgħu jkunu sodisfaċenti f’dan l-istadju.


Kif tevita vizzji bħad-droga jew l-alkoħol

Meta t-tfal jibdew jikbru u jibdew joħorġu mal-ħbieb, huwa naturali li tinkwieta li dawn jistgħu jaqbdu xi vizzju jew jibdew jabbużaw mill-alkoħol u d-droga. Iżda kont taf li l-ġenituri għandhom influwenza ikbar fuq it-tfal milli għandhom il-ħbieb, il-mużika, it-televiżjoni, l-internet u n-nies famużi? It-tfal li jitgħallmu mingħand il-ġenituri tagħhom dwar ir-riskji assoċjati mat-teħid tad-droga u l-alkoħol għandhom 50% inqas ċans li jabbużaw minn dawn is-sustanzi mit-tfal li ma jkunu rċevew ebda edukazzjoni dwar dan mid-dar. Għin lil uliedek jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba billi titkellem magħhom regolarment, tkun involut f’ħajjithom u tagħmilhielhom ċara li ma tridhomx jabbużaw mill-alkoħol u d-droga. Issettja limiti li ma jistgħux jinqabżu
.

​​​​​​​​​​​