Sommarju ta' Governanza

Il-President ta’ Malta

Mal-ħatra tiegħu, il-President il-ġdid jieħu ġurament li “jikkonserva, iħares u jiddefendi” l-Kostituzzjoni. Barra minn hekk, fi ħdan ir-rwol ferm wiesa’ tiegħu, huwa jagħti l-kunsens għal-liġijiet tal-Parlament u jilqa’ l-ambaxxaturi barranin. Il-President jista’ jxolji l-Parlament fuq talba tal-Prim Ministru jew f’każ li tgħaddi mozzjoni ta’  sfiduċja fil-Gvern u fi tmiem il-leġiżlatura.​

Is-Sinjura Marie-Louise Coleiro Preca hi l-President ta’ Malta u l-Kap tal-Istat Malti.

Għal aktar dettalji dwar ir-rwol tal-President, ikklikkja h​​awn​


Il-Prim Ministru ta’ Malta

Il-Prim Ministru huwa l-Kap tal-Gvern ta’ Malta u fl-istess ħin membru tal-Parlament. Huwa jagħti pariri lill-President dwar il-ħatra tal-Ministri l-oħra.

Skont il-Kostituzzjoni, fost ir-responsabilitajiet tal-Prim Ministru nsibu l-ħatra tas-Segretarji Permanenti, u dik li jagħti pariri lill-President dwar il-ħatra tal-membri tal-Ġudikatura u korpi kostituzzjonali oħra.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru jgħin lill-Prim Ministru fil-qadi ta’ dmirijietu, fosthom ir-responsabilità tiegħu li jmexxi u jidderieġi b’mod li jkollna Gvern stabbli u effikaċi. 

Dr Joseph Muscat ħa l-kariga tiegħu bħala l-Prim Ministru ta’ Malta fil-11 ta’ Marzu 2013.


Il-Kabinett Malti

Il-Kabinett Malti huwa magħżul minn fost il-membri tal-Kamra tad-Deputati. Kull membru tal-Kabinett jinħatar mill-President fuq parir tal-Prim Ministru.


Il-Parlament Malti
Il-Parlament Malti huwa magħmul mill-President ​ta’ Malta u l-Kamra tad-Deputati, din tal-aħħar komposta minn Speak​er, Deputy Spea​ker u Dep​utati Parlamentari.


Permezz tad-Deputati eletti, il-Kamra tad-Deputati hija responsabbli lejn il-poplu ta’ Malta biex minn fostha jinħatar Gvern rappreżentattiv u li dan imexxi fl-interess taċ-ċittadini Maltin. B’rabta ma’ dan, l-Uffiċċju tal-Iskrivan tal-Kamra, li huwa s-segretarjat tal-leġiżlatura, għandu d-dmir li jipprovdi servizzi effiċjenti, professjonali, innovattivi b’mod kompletament indipendenti mill-politika, li jsostnu l-ħidmiet tal-Kamra tad-Deputati u l-Kumitati tagħha. L-Uffiċċju joffri wkoll firxa ta’ servizzi u faċilitajiet lill-Membri Parlamentari.

L-Għanijiet u r-Responsabilitajiet
tal-Parlament huma diversi. Għal aktar informazzjoni dwar kif jaħdem il-Parlament, dwar il-Prassi Parlamentari – seduti, dibattiti Parlamentari, laqgħat tal-Kumitati Parlamentari, il-Proċeduri Parlamentari u l-Proċess Leġiżlattiv, ikklikkja hawn.  

L-Ombudsman tal-Parlament huwa istituzzjoni indipendenti u imparzjali li tinvestiga u tipprovdi rimedju ġust, f’waqtu u effettiv għal kwistjonijiet u lmenti li ċ-ċittadini jkollhom ma’ xi dipartiment tal-Gvern jew xi korp pubbliku li jaqa’ fil-ġuriżdizzjoni tiegħu.

L-Ombudsman jippromwovi d-dritt għal amministrazzjoni pubblika tajba u d-dritt li jitressqu lmenti dwar amministrazzjoni ħażina, bħala drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Maltin kollha. B’dan il-mod huwa jgħin biex titjieb il-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika f’Malta. Huwa jippromwovi wkoll attitudni pożittiva fi ħdan l-entitajiet tal-gvern li jipprovdu servizzi lill-poplu Malti. Għal aktar informazzjoni, ikklikkja
hawn



L-Amministrazzjoni Pubblika​

L-Amministrazzjoni Pubblika hija l-qalba permanenti tal-makkinarju amministrattiv  fi ħdan il-Gvern. Hija toffri parir dwar politika, timplimenta politika u tamministra l-leġislazzjoni b'mod effiċjenti u effettiv, kif ukoll tagħti servizzi lill-pubbliku b'mod imparzjali, mingħajr żbalji u b'mod faċli għall-klijent.

L-Amministrazzjoni Pubblika hija mmexxija mis-Segretarju Permanenti Prinċipali, is-Sur Mario Cutajar.


Il-Ġudikatura Maltija

Il-Ġudikatura Maltija hija magħmula minn Imħallfin u Maġistrati li jippresiedu rispettivament fil-Qrati Superjuri u Inferjuri.


Meta jieħdu l-Ġurament tal-Kariga, l-Imħallfin u l-Maġistrati jimpenjaw ruħhom li jaqdu bis-sewwa d-dmirijiet ta’ Mħallef (Maġistrat) bla favuri u b’imparzjalità, “kif irid il-ħaqq u l-jedd, u kif iridu l-liġijiet u d-drawwiet ta’ Malta, għall-ġieh t’Alla u tar-Repubblika ta’ Malta”.

Waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, l-Imħallfin u l-Maġistrati għandhom ukoll jirrispettaw il-Kodiċi ta’ Etika li tirregola l-imġiba tal-membri tal-ġudikatura, u b’hekk tissaħħaħ il-fiduċja tal-poplu fl-istituzzjonijiet ġudizzjarji.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Ġudikatura Maltija, ikklikkja
hawn


MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 

L-MEPs jinħatru kull ħames snin miċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE biex jirrappreżentaw lill-poplu rispettiv tagħhom. Il-Parlament Ewropew huwa wieħed mill-istituzzjonijiet leġiżlattivi ewlenin tal-UE, u jfassal il-liġijiet flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Il-numru ta’ MEPs għal kull Stat Membru jiġi stabbilit skont id-daqs tal-popolazzjoni tiegħu. Skont it-Trattat ta’ Liżbona, l-ebda pajjiż ma jista’ jkollu inqas minn 6 MEPs jew iktar minn 96; Malta għandha sitta. Fil-Parlament Ewropew, l-MEPs jingħaqdu fi gruppi parlamentari skont il-fehmiet politiċi tagħhom u mhux skont in-nazzjonalità.

Il-Membri Maltin tal-Parlament Ewropew bħalissa huma dawn:​ 
 

   Alfred Sant 
   Roberta Metsola
   Miriam Dalli
   David Casa
   Marlene Mizzi
   Therese Comodini Cachia

Għal aktar informazzjoni dwar il-Parlament Ewropew u l-MEPs Maltin, ikklikkja hawn. 


Il-Kostituzzjoni Maltija

Il-Kostituzzjoni Maltija ġiet adottata fil-21 ta’ Settembru 1964 u għadha sal-lum tikkostitwixxi l-qafas legali ta’ pajjiżna. Kwalunkwe liġi jew azzjoni li tmur kontra l-Kostituzzjoni titqies nulla u invalida. Biex issir emenda kostituzzjonali trid tiġi segwita prassi stretta magħmula minn tliet stadji. Il-Kostituzzjoni Maltija s’issa ġiet emendata erbgħa u għoxrin darba, u l-aħħar waħda kienet fl-2007.

Il-Kostituzzjoni tittratta firxa wiesgħa ta’ suġġetti fosthom iċ-Ċittadinanza, id-Drittijiet Fundamentali u l-Libertajiet tal-Individwu, il-Ġudikatura, il-Kunsilli Lokali u ħafna oħrajn. Biex tara l-Kapitli tal-Kostituzzjoni, ikklikkja
ha​wn​.​ 


ELEzzjonijiet f'malta

Malta hija nazzjon demokratiku u għalhekk isiru l-elezzjonijiet fi tmiem kull leġiżlatura. Malta għandha l-ogħla numru ta’ persuni li joħorġu jivvutaw fl-Elezzjonijiet Ġenerali fid-dinja fost il-pajjiżi fejn il-votazzjoni mhijiex obbligatorja. Is-sistema elettorali ta’ Malta f’dawn l-elezzjonijiet tippermetti li l-vot ikun jista’ jigi trasferit minn kandidat għal ieħor skont in-numru ta’ siġġijiet li jkunu jridu jimtlew. Din is-sistema tintuża biex jiġu eletti l-Membri Parlamentari lokali, l-MEPs kif ukoll il-Kunsilliera Lokali.

F’Malta jsiru ħames tipi ta’ elezzjonijiet:

   L-Elezzjonijiet Ġenerali biex jinħatru l-membri tal-Kamra tad-Deputati
   L-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali biex jinħatru l-membri tat-68 kunsill lokali f’Malta u Għawdex
   L-Elezzjonijiet għall-Kumitati Amministrattivi tal-Kunsilli Lokali, li kull wieħed minnhom jikkonsisti f’ħames  membri
   L-Elezzjonijiet għall-Membri tal-Parlament Ewropew
   Referenda fejn il-votanti rreġistrati jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk jaqblux ma’ proposta jew proposti ppreżentati f’riżoluzzjoni li tkun għaddiet mill-Parlament.

Għal aktar informazzjoni dwar dawn it-tipi differenti ta’ elezzjonijiet, ikklikkja
hawn.​ 

 
​​​​​​​​​​​​