Il-ħlas
Il-probabilità hi li inti tinduna meta jkun qed jibda l-ħlas! Hemm diversi sintomi li tista’ toqgħod attenta għalihom, u dawn jinkludu kontrazzjonijiet (li jkun qisu wgigħ menstruwali qawwi ħafna li jżid mal-ħin), uġigħ fid-dahar jew jinfaqa’ l-ilma. X’aktarx li inti u s-sieħeb tiegħek flimkien mal-majjistra lestejtu pjan għal meta jasal dan il-mument, pjan li jinkludi l-oġġetti li trid tieħu miegħek l-isptar, kif ukoll il-metodu li tkun għażilt biex ittaffi l-ugigħ. Jekk issegwi dan il-pjan tkun qed tgħin biex il-ħlas jipproċedi kif maħsub minn qabel – inkluż l-għażla bejn ħlas naturali u ċesarja (madankollu ftakar li dakinhar il-pjan jista’ jinbidel skont iċ-ċirkustanzi).
Immedjatament wara t-twelid u fil-jiem ta’ wara għandek tkun taf li se ssib jistenniek perijodu ferm emozzjonali għalik u s-sieħeb tiegħek, li fih se titgħallem ħafna, iżda li huwa wkoll impenjattiv ħafna. Dan huwa żmien sabiħ u eċċitanti hekk kif bil-mod il-mod tibda ssir taf it-tarbija tiegħek, iżda ftakar ukoll li għandek tagħti ċans lilek innifsek biex tirkupra.
Reġistrazzjoni tat-Tarbija f’Malta
F’kull twelid ta’ tarbija, hu dmir
tal-missier u tal-omm, u fin-nuqqas tat-tnejn, tat-tabib, kirurgu, qabla, jew
persuna oħra li tkun tat l-għajnuna tagħha fil-ħlas, jew li f’darha jkun sar
il-ħlas, li
tagħti, fi żmien ħmistax-il jum mit-twelid, avviż
tiegħu lill-uffiċjal li għandu d-dmir jagħrfu lir-Reġistru Pubbliku.
Il-persuna li tirreġistra t-twelid tat-tarbija, għandu/a j/tippreżenta l-Karta
tal-Identita’ tiegħu/tagħha, u kwalunkwe dokumentazzjoni pprovduta lilu/lilha
mill-isptar.
Fejn it-twelid seħħ f'Malta hu/hi għandhom jirreġistraw għand:
Reġistru Pubbliku,
Evans Building,
Triq il-Merkanti,
Valletta VTL2000,
Malta
Tel: (356) 2590 4200
Fejn it-twelid seħħ f'Għawdex hu/hi għandhom jirreġistraw għand:
Reġistru Pubbliku,
Mill-Toroq Sur,
Rabat VCT 2909,
Għawdex
Tel: (356) 2215 6381/2/3/5
Rikonoxximent ta’ tarbija F'MALTA
Sabiex ir-rikonoxximent ikun reġistrat fuq l-Att tat-twelid,
wieħed irid isegwi proċess legali billi j/tfittex servizz ta’ avukat/a. La
darba l-proċess ta’ rikonoxximent ikun ffinalizzat, id-dokumenti oriġinali
tal-qorti għandhom ikunu ppreżentati lir-Reġistru Pubbliku,
fejn annotazzjoni tiġi effettwata fuq iċ-ċertifikat tat-twelid, kontra l-ebda
ħlas jew mili ta' kwalunkwe formola.
ToTTJeni setgħa
tal-Ġenituri
X’inhi s-setgħa tal-ġenituri?
Tifel li ma għalaqx
tmintax-il sena huwa suġġett għas-setgħa tal-ġenituri tiegħu anke jekk it-tifel
ikun twieled barra miż-żwieġ. Is-setgħa
ta’ ġenitur tkun eżerċitata bi ftehim bejn iż-żewg ġenituri u wara l-mewt ta’
wieħed mill-ġenituri, din tkun eżerċitata mill-ġenitur li jibqa’ ħaj.
F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenturi dwar deċiżjonijiet li jirrigwardaw
it-tifel, x’jista’ jsir?
F’kaz ta’ nuqqas ta’
qbil bejn il-ġenituri dwar ħwejjeġ ta’ importanza partikolari, kull wieħed
mill-ġenituri jista’ jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni
tal-Familja) fejn juri dawk id-direzzjonijiet li fil-fehma tiegħu jidhirlu
xierqa fic-ċirkostanzi.
Kif inhi kondotta l-proċedura quddiem il-Qorti?
Il-qorti tisma’ lill-ġenituri
u lit-tifel (jekk it-tifel ikun laħaq għalaq l-eta’ ta’ erbatax-il sena) u għandha
tagħmel suġġerimenti lill-ġenituri. Jekk
ikompli n-nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri, il-qorti għandha tawtoriżża lill-ġenitur,
li fil-fehma tagħha jkun l-iktar xieraq li jħares l-interess tat-tifel fil-każ
partikolari, sabiex jieħu d-deċizjoni fuq il-kwistjoni.
Il-Lif tal-Maternità u l-Paternità f’Malta
Ilum il-ġurnata l-biċċa l-kbira tal-ġenituri jaħdmu, għalhekk ikollok bżonn il-lif qabel u wara t-twelid tat-tarbija. Bil-liġi, kull impjegata hija intitolata għal ammont stabbilit ta’ lif tal-maternità, mingħajr ma titlef il-paga jew xi benefiċċju ieħor. L-impjegatur għandu sett ta’ standards xi jsegwi meta impjegata tiegħu tkun tqila.
Għal gwida ġenerali dwar il-lif tal-maternità u tal-paternità u l-benefiċċji relatati f’Malta, ikklikkja hawn. Tista’ wkoll tikseb iktar informazzjoni dwar il-Benefiċċju tal-Maternità f’Malta. Jekk tixtieq informazzjoni iktar dettaljata dwar il-benefiċċji fis-Settur Pubbliku, tista’ tikkonsulta l-manwal: Family-Friendly Measures Handbook.
Il-Benefiċċji Statali għall-Ġenituri f’Malta
Minbarra l-lif tal-paternità, il-ġenituri f’Malta huma eleġibbli għal diversi benefiċċji finanzjarji li jgħinuhom jieħdu ħsieb uliedhom. Dawn jinkludu Allowance tat-Tfal għall-persuni bi dħul ta’ inqas minn €24,620, Allowance tat-Tfal għall-persuni bi dħul ta’ iktar minn €24,620, Allowance għat-Tfal b’Diżabilità, Benefiċċju għall-Għoti tal-Ħalib u Għajnuna Soċjali għal Ġenituri Waħedhom. Għal iktar informazzjoni dwar dan ikklikkja hawn.