It-tqala

 

Ma tafx jekk intix tqila? Għadek kemm sirt taf li inti tqila? Dawn li ġejjin huma l-affarijiet li għandek tkun taf.

Tqila?

Hemm nisa li mill-ewwel jindunaw li jkunu tqal, speċjalment jekk ikollhom ċiklu regolari, iżda hemm oħrajn li jindunaw iktar tard. Fiż-żewġ każijiet, dawn huma wħud mis-sintomi li jistgħu jindikaw tqala:

   Dardir u remettar
   Għeja
   Sensibilità fis-sider
   Ikollok bżonn tmur it-toilet iktar ta’ spiss
   Sensi iktar sensittivi, pereżempju xxomm u ttiegħem aktar

Jekk għandek dawn is-sintomi jew uħud minnhom, u hemm il-possibilità li inti tqila, ikun tajjeb li tagħmel it-test tat-tqala. It-testijiet li jsiru d-dar jistgħu jinxtraw mill-ispiżeriji u għandhom livell ta’ preċiżjoni ta’ iktar minn 99%. Inkella tista’ tmur għand it-tabib jew il-ġinekologu tiegħek biex tagħmel it-test hemmhekk.


Kura ta’ Qabel it-twelid

Kemm jekk qed tipprova toħroġ tqila u kemm jekk għadek kemm sirt taf li inti tqila, importanti li fix-xhur li ġejjin tieħu ħsieb saħħtek sew. Jekk qed tittama li tikkonċepixxi tarbija u tixtieq iżżid iċ-ċansijiet tiegħek, tista’ ssegwi l-gwida provduta hawnhekk. Jekk min-naħa l-oħra diġà taf li inti tqila tista’ tikklikkja hawnhekk fejn issib informazzjoni dwar kif ittejjeb l-istil ta’ ħajtek, tiekol aħjar u tkun ċerta li tinsab fl-aħjar kundizzjoni fiżika possibbli. 

Matul it-tqala tista’ tattendi wkoll klassijiet ta’ qabel il-ħlas, fejn tiltaqa’ ma’ nisa tqal oħra u tingħata pariri professjonali. Hemm diversi klassijiet ta’ qabel il-ħlas f’Malta, li joffru minn eżerċizzji fiżiċi jew Pilates sa seminars dwar it-treddigħ tat-trabi u l-preparazzjoni għall-ħlas. 

Il-Unit tal-ParentCraft li jinsab ġewwa Mater Dei, joffri korsijiet għal dawk il-klijenti/koppji li jkunu qed jistennew tarbija, iżda mhux biss, għaliex joffru wkoll korsijiet għal wara li titwieled it tarbija. Aktar informazzjoni fuq dan il unit jista' jinkiseb minn hawn.


Mard u Problemi

Sfortunatament mhux kull tqala timxi ħarir. L-aħjar ħaġa huwa li tkun ippreparata għall-problemi li jistgħu jinqalgħu, li jistgħu jvarjaw minn problemi komuni bħad-dardir ta’ filgħodu jew uġigħ kroniku fid-dahar sa korriment, kumplikazzjonijiet u telf tat-tarbija. Fittex l-għajnuna u l-pariri tat-tabib jew il-ġinekologu tiegħek dwar x’tista’ tagħmel biex tibża’ kemm jista’ jkun għal saħħtek u saħħet it-tarbija fil-ġuf. ​