Ix-Xiri tad-Dar Tiegħek f’Malta

​Buying your home

Wieħed mill-aktar avvenimenti importanti fil-ħajja huwa proprju x-xiri ta’ post fejn toqgħod. M’għandniex xi ngħidu, dan huwa żmien eċitanti u impenjattiv iżda jista’ wkoll jikkawża ansjetà, u fuq kollox tidħol il-kwistjoni tal-flus. Kif tista’  takkwista d-dar tal-ħolm tiegħek bl-inqas problemi possibbli?

Kompli aqra biex issir taf aktar.


Iddeċiedi x’inhu l-baġit tiegħek

Huwa ferm importanti li meta tiġi biex tixtri dar iżżomm saqajk mal-art u tikkalkula tajjeb il-mezzi finanzjarji tiegħek li jridu jservuk ukoll biex tlaħħaq mal-ispejjeż l-oħra kollha li jkollok biex tgħix, inklużi kontijiet tad-dawl u l-ilma u servizzi oħra. Dawn kollha jridu joħorġu mill-istess but.

Il-bank tiegħek jista’ jagħtik idea ċara dwar it-tip ta’ proprjetà li tista’ taffordja. X’aktarx li s-self għad-dar tiegħek ikun jista’ jkopri madwar 90% tal-prezz tax-xiri tal-proprjetà u l-ispejjeż biex tlestiha. Il-bank jaħdimlek ukoll il-pagamenti ta’ kull xahar biex jitħallas lura s-self. Ikun jeħtieġlek li tagħmel assigurazzjoni fuq ħajtek għall-valur tal-proprjetà u assigurazzjoni oħra tal-bini li li għalih tkun issellift.

Żomm f’moħħok ukoll li hemm spejjeż oħra bħalma huma dawk tan-nutar u tal-permessi, spejjeż li trid tara jekk għandekx bżonn li jiġu koperti wkoll bis-somma li tkun ħadt bħala self. Importanti ferm li qabel tikkommetti ruħek tistaqsi sew xi spejjeż hemm involuti biex tkun tista’ taħseb għal kollox (tariffi tal-bank, taxxi, spejjeż notarili u spejjeż tal-perit).

Il-banek lokali għandhom nies apposta li jgħinuk tikkalkula pagamenti ta’ kull xahar li taffordja. Tkun idea tajba li tmur għand banek differenti biex tipprova tikseb l-aħjar rati u kundizzjonijiet ta’ self. Fl-aħħar mill-aħħar, jista’ jkun li b’għażla tajba tiffranka ammont sostanzjali ta’ flus.


It-Tiftix għal Proprjetà f’Malta

Ladarba tasal biex tiskopri sa fejn iwassal il-baġit tiegħek, tista’ tibda tfittex proprjetà addattata.

Tista’ tibda billi tagħżel dawk iż-żoni fejn tixtieq tmur toqgħod u t-tip ta’ dar li tixtieq. Tista’ tikkonsulta d-diversi rivisti u siti elettroniċi disponibbli, jew inkella tista’ tkellem sensar jew tirrikorri għal aġenzija tal-proprjetà. Aġent tajjeb jista’ jiggwidak dwar x’tista’ tistenna li ssib bil-baġit tiegħek, u jagħtik idea tal-proprjetajiet li jkun hemm fis-suq. Bl-esperjenza vasta li għandhom, l-aġenziji tal-proprjetà jistgħu jagħtuk ukoll parir dwar liema huma l-aħjar proprjetajiet hekk kif jitfaċċaw fis-suq.

Jista’ jkun ukoll li inti intitolat/a għal dar tal-gvern. Dan jiddependi mid-dħul tiegħek u xi fatturi oħra. Jekk tixtieq tkun taf jekk tikkwalifikax għal dan, ikklikkja hawn.  


Ix-Xiri tal-Proprjetà Tiegħek f’Malta

Meta ssib il-proprjetà ideali tiegħek, tkun diġà għamilt pass importanti ħafna lejn l-akkwist tad-dar tal-ħolm tiegħek.

Sew jekk tixtri permezz ta’ aġent u sew jekk tixtri dirett, jista’ jkun li tkun trid tinnegozja l-prezz. L-aġent tal-proprjetà jgħinek tagħmel dan, inkella jkollok tinnegozja l-prezz direttament mal-bejjiegħ.

Wara li jintlaħaq qbil mal-bejjiegħ fuq il-prezz, ikun imiss li jsir il-konvenju, li huwa fil-fatt kuntratt preliminari. B’dan il-ftehim inti, bħala x-xerrej, u l-bejjiegħ, tintrabtu li tikkonkludu t-trasferiment tal-proprjetà sad-data speċifikata fl-istess konvenju, biex b’hekk jiġi finalizzat il-bejgħ. Mal-firma tal-konvenju tkun trid tħallas depożitu kif miftiehem (normalment 10% tal-prezz tal-proprjetà) u
1% bħala taxxa provviżorja fuq ix-xiri tal-proprjetà. It-taxxa totali tammonta għal 5% tal-valur tal-proprjetà u l-4% taxxa li jibqa’ tħallasha meta tiffirma l-kuntratt.

Fil-ġimgħat ta’ wara, in-nutar jagħmel ir-riċerki biex jikkonferma li min qed ibigħ għandu t-titlu legali ta’ sid tal-proprjetà, u biex jiżgura li ma jkunx hemm djun, ipoteki jew garanziji fuq il-proprjetà. Sadanittant xogħlok huwa li tiżgura li tikkonkludi s-self mal-bank, u li tikseb il-permessi u l-formoli kollha neċessarji skont il-Konvenju, waqt li l-bejjiegħ jipprepara dak kollu meħtieġ minnu biex jersaq għall-kuntratt.

Hekk kif dan il-proċess jitlesta, tiġi stabbilita data li fiha jiġi ffirmat il-Kuntratt. Dan normalment isir għand in-nutar jew fl-uffiċċju legali tal-bank. Mal-kuntratt tkun trid tħallas il-bilanċ tal-prezz tal-bejgħ tal-proprjetà lill-bejjiegħ, u l-bqija tat-taxxa dovuta lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni u l-ispejjeż tal-kuntratt u r-riċerki lin-Nutar Pubbliku.

Issa l-proprjetà saret tiegħek. Iċ-ċwievet f’idek, u tista’ tidħol f’darek!


X’jista’ jinqala’?

Sfortunament ikun hemm min jiltaqa’ ma’ xi problema waqt ix-xiri tal-proprjetà jew saħansitra wara. Jistgħu jitfaċċaw difetti strutturali jew nuqqas ta’ konformità mal-permessi tal-bini, problemi ta’ titolu legali jew servitujiet. F’dan il-kaz tkun trid titlob parir mingħand in-nutar u dan jiggwidak dwar liema huma dawk l-aspetti li jridu jiġu solvuti mill-bejjiegħ qabel ma tiffirma l-Kuntratt.