Fuq il-Post tax-Xogħol

​Safety in work
Fuq il-Post tax-Xogħol

Is-Saħħa u s-Sigurtà

Huwa tassew importanti li jkollok ambjent sigur kull fejn tkun taħdem. Jista’ jkun li jkollok tilbes elmu iebes jew xi tip ta’ żarbun speċjali fuq il-post tax-xogħol, pereżempju, biex tipproteġi lilek innifsek mir-riskju li tweġġa’.

Biex jiġi żgurat li l-ambjenti tax-xogħol f’Malta jkunu siguri, hemm l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. Din l-Awtorità toħloq regoli relatati mas-saħħa u s-sigurtà u taċċerta ruħha li dawn jiġu implimentati, tippubblika fuljetti b’informazzjoni biex l-ikbar numru possibbli ta’ nies isiru jafu dwar ir-regoli relatati mas-saħħa u s-sigurtà, u tara li l-makkinarju u t-tagħmir ikun sigur, fost ħafna affarijiet oħra. L-Awtorità torganizza wkoll korsijiet u tippubblika kotba dwar is-saħħa u s-sigurtà.

Kun af iktar dwar l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
hawnhekk.     


X’jiġri jekk inweġġa’ fuq ix-xogħol?

Fuq il-postijiet tax-xogħol kollha jkun hemm kaxxa għall-ewwel għajnuna u xi ħadd li jista’ jagħti l-ewwel għajnuna. Jekk tkun weġġajt serjament, ċempel għall-ambulanza jew itlob lil xi kollega biex iċempel hu. Jekk ma tkunx tista’ tmur lura għax-xogħol għal ċertu żmien minħabba li tkun weġġajt, tingħata l-permess li tibqa’ d-dar sakemm tfiq. Għal iktar informazzjoni dettaljata dwar il-korrimenti fuq ix-xogħol, ikklikkja
hawnhekk.


Jien għandi ħafna stress fuq ix-xogħol. X’għandi nagħmel?

Jekk tħoss li ma tistax tkampa bl-ammont ta’ xogħol li jkollok, jekk il-kollegi qegħdin idejquk ħafna, jekk qed tinduna li spiss qed iċċempel sick, jekk qed issibha diffiċli biex torqod billejl, jekk spiss qed tħoss ħafna rabja jew dwejjaq, jista’ jkun li qed tbati minn stress jew għandek problema ta’ saħħa mentali.

Xi kultant ikun ta’ għajnuna l-fatt li jkollok delizzju, pereżempju li tipprattika xi sport jew tagħmel xi affarijiet tal-artiġjanat biex taljena rasek mix-xogħol meta tasal lura d-dar. Bla ebda dubju, jekk il-kundizzjonijiet fuq ix-xogħol huma stressanti, l-affarijiet ma jissolvewx daqshekk faċilment.

Filwaqt li l-problemi tas-saħħa mentali bħad-depressjoni u l-ansjetà huma komuni, ħafna minnhom mhumiex qawwija. Dawn sikwit ikunu reazzjoni għal xi sitwazzjoni, bħal problemi fuq ix-xogħol. Jekk tħoss li ma tistax tkampa, kellem lit-tabib tal-familja tiegħek, li ġeneralment ikun jista’ jgħin. Jekk ikun hemm bżonn, huwa jibagħtek għand speċjalista u jista’ wkoll jordnalek xi mediċini.


Jiena vittma ta’ fastidju fuq il-post tax-xogħol. X’għandi nagħmel?

Jekk inti vittma ta’ fastidju fuq il-post tax-xogħol jew qed tesperjenza xi tip ta’ konflitt, x’aktarx li ma tafx x’għandek tagħmel. Tinkwetax, m’intix waħdek.

Jekk qed tiltaqa’ ma trattament differenti minħabba xi karatteristika partikolari, pereżempju minħabba s-sess jew l-orjentazzjoni sesswali tiegħek, minħabba l-kulur ta’ xagħrek jew tal-ġilda jew minħabba x-xejriet politiċi tiegħek, mela qed issir diskriminazzjoni kontrik, u dan huwa żbaljat.

L-istess jista’ jingħad jekk in-nies fuq il-post tax-xogħol qed iwaqqgħuk għaċ-ċajt jew qed jhedduk bi vjolenza. Dan huwa fastidju. L-impjegati, l-impjegaturi u l-klijenti m’għandhom l-ebda dritt li jiddiskriminaw kontrik minħabba l-età jew is-sess tiegħek jew minħabba diżabilità, u dan la bl-emails li jibagħtu, la bil-kummenti li jgħaddu u lanqas billi jinjorawk jew ma jagħtukx il-promozzjonijiet li jistħoqqlok.

Jekk ikun possibbli tkellem mal-persuna li tkun il-kawża ta’ dan il-fastidju. Fil-każ li dan ma jkunx possibbli, allura kellem lill-impjegatur tiegħek jew inkella lill-kap tad-Dipartiment tal-HR. Jekk ma tkun tista’ tagħmel l-ebda waħda minn dawn ikkuntattja Assoċjazzjoni tax-Xogħol minn dawn imniżżla hawnhekk​
.

 

Contact Information:

 Contact Name 
Department Of Industrial and Employment Relations
121,
Melita Street,
Valletta, VLT 1121

 Telephone
2122 4245 / 6

 Email