Edukazzjoni

 
Kif tagħżel skola
Diġà l-fatt li tmur tgħix f’pajjiż ieħor tista’ tkun xi ħaġa kbira, kemm għalik kif ukoll għat-tfal tiegħek. L-iskola li tagħżel għal uliedek għandha rwol importanti meta dawn jiġu biex jissettiljaw f’pajjiż ġdid. Jekk it-tfal tiegħek għandhom aktar minn sitt snin, probabbilment għandhom l-opinjoni tagħhom dwar fejn jixtiequ jmorru skola, għalhekk id-deċiżjoni fejn tibgħathom ċertament trid tittieħed flimkien magħhom.
Huwa importani li int u t-tfal tiegħek issiru tafu dak kollu possibbli dwar l-iskejjel differenti f'Malta biex tagħmlu l-aħjar għażla għalikom. Hawn taħt se ssib ħarsa ġenerali lejn is-sistema tal-edukazzjoni f'Malta.
Tipi ta' skejjel f'Malta
F'Malta l-iskejjel huma maqsumin f'żewġ kategoriji: l-iskejjel tal-istat u l-iskejjel privati.
L-iskejjel tal-istat huma b'xejn għall-istudenti kollha u jinsabu fil-bliet jew l-irħula ewlenin kollha f'Malta u Għawdex. It-trasport lejn u mill-iskola huwa wkoll bla ħlas, kif ukoll il-kotba u materjal ieħor tal-iskola. Madankollu, il-ġenituri jridu jixtru l-uniformi tal-iskola għal uliedhom.
Hemm żewġ tipi ta' skejjel privati f'Malta: l-iskejjel tal-knisja u l-iskejjel indipendenti. It-tnejn joffru edukazzjoni ta' qabel il-primarja sas-sekondarja għolja. Iż-żewġ tipi huma rregolati mill-Ministeru tal-Edukazzjoni jiġifieri l-kurrikulum huwa simili fid-diversi skejjel.
Bħala regola, l-iskejjel tal-knisja huma tal-Knisja Kattolika, u, bis-saħħa ta' ftehim mal-gvern, dawn ma jiċċarġjaw miżati tal-iskola. Il-gvern ikopri l-pagi għalkemm il-ġenituri jiġu mitluba jagħmlu donazzjoni annwali biex jgħinu fl-ispejjeż tal-iskola. It-trasport, il-provvisti tal-iskola u l-uniformijiet iridu jitħallsu mill-ġenituri.
Biex iddaħħal lit-tfal tiegħek fi skola tal-Knisja teħtieġ iddaħħalhom fi speċi ta' lotterija. Il-postijiet disponibbli jvarjaw minn sena għal oħra iżda, b'mod ġenerali, huma pjuttost limitati.
Sorijiet u qassisin jgħallmu fl-iskejjel tal-Knisja u xi wħud huma involuti fl-amministrazzjoni u l-ġestjoni tal-iskola. Madankollu, inqas nies qed jingħaqdu mal-kleru llum il-ġurnata, jiġifieri hemm inqas għalliema sorijiet u qassisin u l-maġġoranza tal-istaff fil-biċċa l-kbira tal-iskejjel tal-Knisja huma persuni lajċi.
Skejjel internazzjoni u skejjel privati oħrajn
Hemm għadd kbir ta' skejjel indipendenti, u għadd mhux ħażin ta' skejjel internazzjonali li jieħdu ħsieb il-persuni barranin f'Malta. Il-ġenituri jħallsu miżata għall-edukazzjoni f’dawn l-istituzzjonijiet u jeħtieġu jixtru wkoll il-provvisti tal-iskola u l-uniformijiet, kif ukoll iħallsu għat-trasport.
Skejjel Speċjalizzati
F'Malta hemm erba' ċentri tar-riżorsi għall-bżonnijiet speċjali. Dawn għandhom għalliema speċjalizzati kif ukoll tagħmir u riżorsi oħrajn għal tfal b'diffikultajiet fit-tagħlim. L-iskejjel jgħinu wkoll biex it-tfal tal-etajiet kollha bi ħtiġijiet speċjali jintegraw ruħhom fi klassijiet fejn isir tagħlim regolari. Għal aktar informazzjoni, ikklikkja hawn.
 
Lingwa
Ħaġa li x’aktarx isserraħlek rasek hija l-fatt li Malta hija pajjiż bilingwu: kemm l-Ingliż kif ukoll il-Malti huma mitkellma kemm fil-klassi u kemm fil-konversazzjonijiet ta’ kuljum u waqt il-logħob. L-Ingliż jista' ma jkunx il-lingwa ewlenija tat-tfal tiegħek iżda l-fatt li t-tfal f'Malta jitkellmu tal-anqas żewġ lingwi (ħafna jitkellmu wkoll bit-Taljan) żgur jgħin lil uliedek jintegraw aħjar l-iskola.
Biex ngħidu l-verità, għalkemm uffiċjalment kemm l-Ingliż kif ukoll il-Malti huma mitkellma fl-iskejjel, skejjel differenti għandhom tendenza li jiffavorixxu waħda miż-żewġ lingwi.
Fl-iskejjel tal-istat, il-lingwa ewlenija tat-tagħlim hija l-Malti, għajr għal-lezzjonijiet tal-Ingliż. Il-Malti għandu t-tendenza li jkun il-lingwa ppreferuta barra mill-klassi wkoll.
Fl-iskejjel privati, il-lezzjonijiet isiru bl-Ingliż, għajr għall-Malti. L-istudenti jitkellmu taħlita ta' Ingliż u Malti barra mill-klassi, skont b'liema lingwa jitkellmu d-dar jew skont x'jużaw sħabhom.
Xi ġenituri ta' tfal li mhumiex Maltin jagħżlu li t-tfal ma jidħlux għal-lezzjonijiet tal-Malti, għalkemm ġeneralment dawn ikunu jistgħu jattendu.
Il-kurrikulum
Is-sistema tal-edukazzjoni ta' Malta hija kklassifikata ferm tajba. Filwaqt li l-iskejjel internazzjonali jippreparaw lill-istudenti għal varjetà ta' kurrikula, Malta inġenerali ssegwi l-kurrikulum Ingliż: it-tfal jistudjaw firxa wiesgħa ta' suġġetti u jkollhom eżamijiet f'nofs u fl-aħħar tas-sena skolastika.
Is-sistema edukattiva hija strutturata f'erba' stadji: qabel il-primarja (tlieta sa ħames snin), primarja (ħames sa 11-il sena), sekondarja (11 sa 18-il sena) u edukazzjoni terzjarja. L-attendenza hija obbligatorja sal-età ta' 16-il sena.
Xogħol għad-dar
L-ammont ta’ xogħol għad-dar li jkollhom l-istudenti jista' jkun pjuttost kbir. Tfal tal-iskola sekondarja jista' jkollhom bejn siegħa u sagħtejn xogħol għad-dar kuljum.
Reliġjon
Ir-reliġjon Kattolika hija mgħallma fil-klassijiet iżda r-reliġjon mhuwiex suġġett obbligatorju għal dawk li ma jkunux ċittadini. Tista' tiddeċiedi jekk tixtieqx tħalli lit-tfal tiegħek jattendu l-lezzjonijiet tar-reliġjon. Jekk tiddeċiedi li toħroġhom mil-lezzjoni, huma jistgħu joqogħdu jistudjaw jew jaqraw fil-librerija, pereżempju.
Is-sena skolastika u l-vaganzi
Is-sena skolastika hija minn Settembru sa Ġunju. Dan ifisser li l-vaganzi tas-sajf idumu tliet xhur sħaħ. Il-vaganzi tal-Milied u tal-Għid huma madwar ġimagħtejn filwaqt li f’nofs it-term ikun hemm waqfa ta’ jumejn biss. Minbarra dawk il-btajjel hemm ukoll għadd kbir ta' vaganzi pubbliċi u reliġjużi mqassma matul is-sena.
 
Informazzjoni utli u lista ta' skejjel
Hawnhekk tista’ tara lista ta' skejjel indipendenti, tal-knisja u statali f'Malta li tista’ tkun utli għalik.
L-istudju f'Malta: Edukazzjoni terzjarja u lil hinn
L-Università
F’Malta hemm Università waħda - l-Università ta' Malta, għalkemm qed jitwaqqfu xi universitajiet barranin. L-Università ta' Malta hija waħda mill-eqdem universitajiet fil-Mediterran.
Hija tinsab f'post ċentrali fl-Imsida. L-Università tal-Malta hija l-ogħla istituzzjoni tat-tagħlim fuq il-gżira. M'hemmx università f'Għawdex u ħafna Għawdxin jiġu Malta biex ikomplu l-edukazzjoni terzjarja tagħhom.
L-edukazzjoni f'livell terzjarju hija ffinanzjata mill-istat u hija bla ħlas ukoll, u l-istudenti jirċievu stipendju kif ukoll allowance għall-ispejjeż marbutin mal-istudji.
Madwar 11,000 student jistudjaw fl-Università. Minn dawn, madwar 650 huma studenti internazzjonali li ġejjin minn 77 pajjiż. L-Università tospita regolarment għadd kbir ta' studenti tal-iskambju Erasmus u ta' skambji oħrajn. Bl-istess mod, bosta studenti Universitarji f’Malta jmorru fuq skambji f'Universitajiet mad-dinja kollha. Madwar 3,000 student jiggradwaw kull sena.
L-Università toffri firxa wiesgħa ta' lawriji full-time u part-time kif ukoll korsijiet ta' diplomi. Il-lingwa primarja tat-tagħlim fl-Università hija l-Ingliż.
Sabiex tistudja għall-ewwel lawrija fl-Università jrid ikollok il-kwalifiki meħtieġa fil-Livell Avvanzat (A-levels) jew ekwivalenti tagħhom. Tista' tidħol bħala student matur (aktar minn 25 sena) u r-rekwiżiti għad-dħul f'dan il-livell huma differenti minn dawk għal persuni taħt il-25 sena.
Għal aktar informazzjoni dwar l-Università ta' Malta, ikklikkja hawn.
 
Ir-residenza Universitarja
Studenti internazzjonali jistgħu joqogħdu fil-Malta University Residence li tinsab biss tliet kilometri 'l bogħod mill-Kampus tal-Università. Hemm servizz ta' xarabank bla ħlas għat-trasport tal-istudenti minn din ir-residenza sal-università, u dan jaħdem fuq bażi regolari. Tista' ssib aktar informazzjoni dwar din ir-residenza billi tikklikkja hawn.
Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST)
L-MCAST huwa istituzzjoni għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Il-kulleġġ twaqqaf fl-2001 u kiber rapidament matul dawn l-aħħar ftit snin u issa jikkonsisti f'10 istituti mifruxa madwar Malta u Għawdex.
L-istudenti jistgħu jistudjaw firxa wiesgħa ta' suġġetti, mill-agrinegozju, għal xjenza applikata, arti u disinn, bini u kostruzzjoni, negozju u kummerċ, servizz komunitarju, inġinerija elettrika u elettronika, teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inġinerija mekkanika u studji marittimi.
Il-kulleġġ joffri 170 kors full-time u aktar minn 300 kors vokazzjonali part-time li jestendu minn ċertifikati għal lawriji, u li jħejju lill-istudenti għal karrieri f'setturi differenti tal-ekonomija jew għal edukazzjoni ogħla.
Il-kulleġġ jikkollabora mill-qrib mal-industriji lokali biex jiżgura li l-istudenti jkollhom esperjenza prattika kif ukoll jiksbu l-kuntatti u l-espożizzjoni meħtieġa għas-settur li jixtiequ jaħdmu fih.
Għal aktar informazzjoni dwar l-MCAST, ikklikkja hawn.
L-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS)
L-ITS, li jinsab f'San Ġiljan u li għandu fergħa f'Għawdex, jipprovdi taħriġ għal studenti li jixtiequ jaħdmu fl-industrija tal-ospitalità. L-organizzazzjoni tħarreġ studenti ta' 16-il sena u aktar fid-dixxiplini varji fl-industrija tat-turiżmu. Il-korsijiet jinkludu Ġestjoni tal-Ospitalità u t-Turiżmu, Operat ta' Lukandi, Operat tal-Akkomodazzjoni, Operat tal-Aġenziji tal-Ivvjaġġar, Vjaġġar u Turiżmu, u Gwidi ta' Gruppi fuq Mawriet. 
Għal aktar informazzjoni dwar l-ITS, ikklikkja hawn.
Edukazzjoni għall-Adulti
Qatt ħsibt biex titgħallem il-Ġermaniż jew tirfina l-ħiliet tal-ħjata tiegħek, jew forsi tixtieq tikseb kwalifika fil-marketing, jew forsi titgħallem il-ġardinaġġ b'mod professjonali? Il-Korporazzjoni għall-Impjiegi u t-Taħriġ (ETC) torganizza korsijiet għall-adulti f'Malta li jinkludu l-kitba fis-settur tan-negozju, plumbing bażiku u ħiliet tal-intraprenditorija, kif ukoll klassijiet tal-ħiliet bażiċi fil-qari u l-kitba u taħriġ professjonali speċifiku.
Il-korsijiet jiġu mgħallma kemm matul il-ġurnata kif ukoll filgħaxija, u hemm Istituzzjoni ta’ Filgħaxija għal Edukazzjoni Ulterjuri li toffri diversi korsijiet vokazzjonali għall-adulti filgħaxija.
Billi l-ETC hija servizz tal-gvern, ħafna mill-korsijiet huma bla ħlas. Allura x'qed tistenna? Ara liema korsijiet jinteressawk hawn.