Trasport

 

X'teħtieġ biex iġġib il-karozza tiegħek hawn

Il-Maltin isuqu fuq ix-xellug, għalhekk ħafna drabi dawk il-persuni Ingliżi li jiġu joqogħdu Malta jkun jaqbillhom iniżżlu l-karozza tagħhom mir-Renju Unit. Hawn xi informazzjoni utli dwar x'teħtieġ tkun taf jekk se ġġib il-karozza tiegħek Malta:

L-importazzjoni tal-karozza tiegħek

Tista' timporta vettura f'Malta iżda r-residenza jew l-istatus tiegħek jiddettaw tistax tużaha:

- Jekk int turist, il-karozza tiegħek tista' tibqa' Malta għal sitta minn 12-il xahar, filwaqt li żżomm il-pjanċi tar-reġistrazzjoni barranin tagħha. Ir-residenti Maltin (mhux biss persuni Maltin, iżda kull min iddikjara li Malta hija r-residenza tiegħu) ma jistgħux isuqu vettura bi pjanċi tar-reġistrazzjoni barranin (sakemm ma ngħatawx permess minn Transport Malta).

- Jekk int resident f'Malta, tista' ssuq biss il-karozza li importajt meta din ikollha pjanċi Maltin, jiġifieri, meta din tkun ġiet irreġistrata f'Malta. Tingħata sebat ijiem biex tapplika u wara dan hemm multa ta’ €30 għal kull jum li jgħaddi.

Reġistrazzjoni

Biex tirreġistra l-karozza tiegħek trid tmur fid-Direttorat tat-Trasport tal-Art fil-Furjana u tissottometti l-formoli tal-applikazzjoni (ara hawn taħt għal-link) skont jekk intix qed tirreġistra karozza antika jew moderna.

Barra mill-formoli, trid tippreżenta ċ-Ċertifikat tar-Reġistrazzjoni Barranija (log book), fattura, l-avviż tal-wasla u ħames ritratti riċenti.

It-taxxa tar-reġistrazzjoni hija kkalkulata fuq l-emissjonijiet tas-CO2 tal-karozza tiegħek, il-materja tal-partikoli (magni diesel biss) u t-tul. Hemm ukoll taxxa minima fuq vetturi użati (inklużi karozzi elettriċi u ibridi) importati minn pajjiżi mhux tal-UE u li ġew manifatturati aktar minn erba' snin ilu.

Għal informazzjoni aktar dettaljata dwar ir-reġistrazzjoni tal-karozza tiegħek, ikklikkja hawn.

Trasport: kif tmur minn post għall-ieħor f'Malta

Trasport pubbliku

It-trasport pubbliku f'Malta jikkonsisti fi grupp ta' karozzi tal-linja mħaddma mill-Malta Public Transport. Il-karozzi tal-linja għandhom l-arja kkundizzjonata u joperaw fuq ir-rotot ewlenin kollha.

Għal lista sħiħa tar-rati kklikkja hawn.

Is-servizz tal-karozzi tal-linja jaqdi għadd ta' rotot (ikklikkja fuq il-link rilevanti hawn taħt)

Rotot Ewleningħas-Sajf – Waqt ix-xhur Sajfin, il-karozzi joperaw f’ħinijiet differenti biex ilaħħqu mad-domanda tan-nies

Rotot Ewlenin għax-Xitwa – Waqt ix-xhur Xitwin, xi rotot li kienu jintużaw frekwenti matul is-Sajf, jistgħu ma joperaw inqas frekwenti

Karozzi ta' Billejl – dawn il-karozzi jintgħarfu billi jkollhom l-ittra N qabel in-numru tar-rotta

Servizz tal-Ajruport - dawn il-karozzi jintgħarfu billi jkollhom l-ittra X qabel in-numru tar-rotta. Karozzi li jintużaw għal dawn ir-rotot ikollhom spazju kbir fejn wieħed jista’ jpoġġi l-bagalji

Park & Ride– il-Park and Ride li qiegħed il-Furjana joffri soluzzjoni prattika għal min irid jipparkja fejn wieħed isib parkeġġ li jesa madwar 750 karozza, b’servizz ta’ shuttle frekwenti

 

Wieħed jista’ jsib aktar informazzjoni ta’ minn fejn jistgħu jinxtraw il-biljetti, billi jikklikkja hawn

Taxis

Hemm servizz ta' taxis bojod f'Malta li tista’ taqbadhom minn kull fejn trid ħlief minn fuq waqfa tal-karozza tal-linja.

Jopera wkoll servizz speċjali tat-taxis mill-ajruport 24 siegħa kuljum. Tista' ssib aktar informazzjoni hawn.

Parir żgħir: dejjem aħjar tiftiehem ir-rata qabel ma tibda l-vjaġġ tiegħek.

Xufiera

Jekk tixtieq tgawdi xi ftit, għaliex ma tikrix karozza misjuqa minn xufier? Jekk tassew tixtieq tagħmel l-affarijiet bil-kbir agħżel 1946 Chrysler Windsor klassika jew forsi karozza konvertibbli Rolls Royce Corniche. Ikklikkja hawn għal aktar informazzjoni.

Kiri ta' karozzi u kowċis

Jekk tassew tixtieq tivvjaġġa fil-partijiet l-aktar remoti tal-gżira, tkun idea tajba li tikri karozza. Is-sinjali tat-toroq huma fil-biċċa l-kbira bl-Ingliż u n-nies isuqu fuq ix-xellug f'Malta. Tista' ssib id-ditti internazzjonali ewlenin u kumpaniji lokali tal-kiri ta' karozzi kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex, u tista' tikri karozza b’rata ta’ bejn €16 u €28 kuljum. Tkun tista' tuża liċenzja tas-sewqan internazzjonali u/jew nazzjonali.

Jekk ma tixtieqx issuq int stess hemm ukoll għadd ta' kumpaniji li joffru karozzi, minivans u kowċis misjuqa minn xufier.

Tista' ssib lista ta' kumpaniji tal-kiri ta' karozzi hawn.

Ċikliżmu

Il-pajsaġġ varjat ta' Malta joffri opportunitajiet uniċi għaċ-ċiklisti. Il-pajsaġġ ivarja minn veduti tal-baħar u bajjiet bir-ramel għal bajjiet bil-blat, għoljiet baxxi, ħitan tas-sejjieħ tipiċi tal-Mediterran u veduti tal-kampanja. Tkun tista' ssib ukoll għadd sew ta' ħwienet li jbigħu apparat għaċ-ċikliżmu u għall-isports mal-gżira kollha.

Iċ-ċikliżmu fil-gżejjer Maltin kemm bħala mogħdija taż-żmien kif ukoll għall-benesseri qed isir aktar popolari u dan l-aħħar ġew introdotti xi korsiji għaċ-ċiklisti.

Għal informazzjoni dwar iċ-ċikliżmu f'Malta, inklużi ideat dwar rotot li tista’ tieħu, mapep, direzzjonijiet, postijiet ta' interess u informazzjoni ġenerali utli, żur il-websajt Cycle Malta and Gozo.

Tista' ssib lista ta' kumpaniji tal-kiri ta' roti hawn.

Vapuri u taxis tal-ilma

Għawdex

Hemm servizz regolari tal-vapur li jitlaq miċ-Ċirkewwa f'Malta u l-Imġarr f'Għawdex. Il-vjaġġ idum madwar 20 minuta u tista' tivvjaġġa bil-karozza tiegħek jekk tixtieq. Hemm kafetterija u ħanut żgħir fuq il-vapur biex tiekol u tixrob xi ħaġa u tixtri xi affarijiet bażiċi li forsi tkun insejt bħall-krema ta’ protezzjoni mix-xemx, xfafar tal-leħja u forsi xi shampoo jew conditioner. Matul l-istaġuni ewlenin - bħall-Għid, ċerti btajjel pubbliċi u l-Karnival – il-vapur jaħdem b'shuttle service biex jiġu evitati kjuwijiet u ħinijiet twal ta' stennija.

Tista' ssib aktar informazzjoni u skedi billi żżur il-websajt tal-kumpanija Gozo Channel.

Kemmuna

Hemm vjaġġi regolari bejn Malta, Għawdex u Kemmuna. United Comino Ferries joffru servizz bir-ritorn kuljum mill-Marfa u ċ-Ċirkewwa, Malta għall-Blue Lagoon, f’Kemmuna. Il-vjaġġ għal Kemmuna jieħu madwar 25 minuta.

Tista' wkoll tuża servizz tal-lanċa bir-ritorn mill-Port tal-Imġarr, Għawdex, u miċ-Ċirkewwa, Malta (ħdejn il-vapur) jew mill-Marfa għall-gżira ta' Kemmuna / Blue Lagoon. Id-dgħajjes jitilqu kull siegħa (mas-siegħa) kuljum, skont id-domanda. Dan il-vjaġġ jieħu madwar 15-il minuta.

Il-Port il-Kbir

Tista’ wkoll  tasal sal-Port il-Kbir tant sabiħ fil-Belt Valletta permezz ta' taxi tal-ilma. Dgħajjes tradizzjonali Maltin joffru shuttle service bejn il-Belt Valletta u l-Birgu u l-Isla. Ikklikkja hawn għal aktar informazzjoni.

Il-Lift tal-Barrakka ta' Fuq

Dan il-lift il-ġdid infetaħ f'Diċembru 2012 u jikkollega l-Port il-Kbir mal-ġonna pittoreski tal-Barrakka ta' Fuq u ċ-ċentru tal-belt Valletta. Dan jinsab fuq is-sit oriġinali tal-lift l-antik, li tneħħa fl-1983, u li dam jintuża bejn l-1905 u l-1973.

Il-lift huwa għoli 58 metru u jista' jġorr 21 persuna f'daqqa. Il-vjaġġ jieħu madwar 25 sekonda, u b'hekk huwa l-mod l-aktar veloċi biex tidħol il-Belt mill-Valletta Waterfront.

Billejl il-lift jinxtegħel, għalhekk ipprova mur ukoll xi darba filgħaxija.

Tour buses u żjarat turistiċi

Jista' jkun li ġejt Malta bħala resident iżda forsi tixtieq issir taf il-post xi naqra aħjar billi tieħu karozza tal-linja għat-turisti għal dawra ma' Malta. Min jaf, forsi tista' tiskopri xi postijiet ġodda li lanqas kont taf dwarhom! Hawn żewġ kumpaniji ta' karozzi tal-linja għat-turisti li joperaw f'Malta:

Kemm City Sightseeing u Malta Sightseeing joffru servizz tal-karozzi tal-linja għat-turisti, imsejħa hop-on hop-off, li jduru mat-Tramuntana u n-Nofsinhar ta' Malta kif ukoll Għawdex. Għal aktar informazzjoni dwar dawn iż-żewġ kumpaniji, ikklikkja l-links t'hawn taħt:

City Sightseeing

Malta Sightseeing