X'teħtieġ biex tmur toqgħod Malta

Qed taħseb biex tmur toqgħod Malta?
 
Qed taħseb biex tmur toqgħod Malta? Kull sena bosta residenti jinġibdu lejn dan l-istat gżira żgħir. Dawn jinkludu professjonisti li jkollhom l-opportunità jaħdmu b'mod remot kif ukoll persuni rtirati mill-Ewropa ta' Fuq, fosthom numru tajjeb mir-Renju Unit. Jiġu attirati mill-istil ta' ħajja relattivament rilassat, l-għoli tal-ħajja raġonevoli, kif ukoll ir-rabtiet storiċi tal-pajjiż mar-Renju Unit.
 
Dawk kollha li jiġu joqogħdu Malta, li hija l-iżgħar stat tal-UE, jinġibdu lejn is-sbuħija naturali tagħha, it-teżori arkitetturali, kif ukoll dak il-joie de vivre tipikament Mediterran li huwa mifrux fil-gżira. Bosta jiġu attirati wkoll lejn l-industriji varji li rnexxew u li qed jikbru f'Malta bħall-industrija tal-gaming u s-servizzi finanzjarji.
 
Attrazzjonijiet ewlenin oħrajn jinkludu l-pletora ta' attivitajiet għall-mogħdija taż-żmien bħall-għadis, avvenimenti kulturali u d-divertiment ta' billejl. 
 
F'din it-taqsima se ssib dak kollu li teħtieġ tkun taf biex tiġi toqgħod f'din il-gżira tant rikka fl-istorja, imdawra bil-Baħar Mediterran ikħal u fond u fejn ix-xemx tiżreġ għall-biċċa l-kbira tal-ġranet matul is-sena.
 
Ir-Rekwiżiti għar-Residenza
Huwa relattivament faċli biex tikseb id-dokumentazzjoni neċessarja biex tkun tista' tiġi Malta.
 
Viża ta' Turist
Din tippermettilek tgħix f'Malta legalment għal 90 jum. Tista' toqgħod għal aktar żmien billi tikseb estensjoni mingħand il-pulizija jew billi titlaq u terġa' tiġi lura għal 90 jum. Jekk qed tippjana biex tgħix fuq il-gżira tagħna għal perjodu ta' żmien twil, għandek tikkunsidra ssir residenti permanenti.
 
Għalhekk jekk qed tippjana li tiġi toqgħod Malta, m'għandekx bżonn tapplika għar-residenza qabel ma tiċċaqlaq. Tista' tuża l-viża tiegħek ta' turist waqt li tirranġa l-affarijiet u tistabbilixxi ruħek, u sadanittant tapplika għar-residenza.
 
Ivvjaġġar fl-Ewropa
Malta qiegħda fiż-żona ta' Schengen li huwa grupp ta' pajjiżi li neħħew il-kontrolli tal-passaporti u tal-immigrazzjoni fil-fruntieri komuni tagħhom. Għalhekk, persuni li jivvjaġġaw minn u lejn iż-żoni ta' Schengen ma jkunux jeħtieġu li l-passaporti tagħhom jiġu ċċekkjati fil-fruntieri.
 
Malta għandha wkoll ftehim ta’ rinunzja ta' viżi ma' għadd ta' pajjiżi. Ċittadini Maltin huma eliġibbli li jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti mingħajr viża.
 
Residenza Permanenti
Jekk issir resident permanenti f'Malta trid tħallas taxxa ta' 15 fil-mija fuq id-dħul li ddaħħal fil-pajjiż. Bis-saħħa tat-trattati tat-tassazzjoni doppja ma' diversi pajjiżi, probabbilment ma tkun meħtieġ tħallas ebda taxxa fil-pajjiż tal-oriġini tiegħek.
 
Tista' ssib lista ta' pajjiżi li għandhom arranġament ma' Malta dwar it-tassazzjoni doppja hawn.
 
Ladarba ssir resident permanenti, ovvjament ma tkunx neċessarjament meħtieġ tgħix fuq il-gżira l-ħin kollu u tkun tista' tmur u tiġi meta trid. Madankollu għandek iżżomm f’moħħok li meta ssir resident ma tkunx sirt ċittadin Malti u ma tkunx tista' tivvota.
 
Żewġ Tipi ta' Residenza
Tista' tapplika għal waħda minn żewġ tipi ta' residenza skont minn fejn qed temigra: ir-Residenza Ordinarja jew ir-Residenza Permanenti. Id-differenza bejn dawn it-tnejn fl-aħħar mill-aħħar hija dwar kemm tiġi ntaxxat/a.
 
Residenza Ordinarja
Residenza Ordinarja tapplika għal persuni li ġejjin Malta mill-UE. It-taxxa li tħallas tinħadem billi jinqata' perċentwali ta' bejn 0 sa 35 fil-mija mid-dħul tiegħek, bit-tnaqqis ta' kreditu tat-taxxa, skont kemm taqla' u skont l-istat ċivili tiegħek.
 
Residenza Permanenti
Ir-Residenza Permanenti hija miftuħa għal kulħadd, ikun liema jkun il-pajjiż tal-oriġini tiegħek. Jekk m'intix mill-UE trid tapplika għal din. Tista' tapplika wkoll għall din l-iskema jekk inti mill-UE, iżda dejjem nirrakkomandaw li tieħu parir mingħand avukat biex tara liema skema hija l-aktar adattata għalik.
 
Trid iġġedded il-permess tar-residenza ordinarja tiegħek kull ħames snin, filwaqt li permessi għar-residenza permanenti jiġġeddu kull sena.
 
Malta Global Residency Programme
F'Lulju 2013, il-Gvern Malti introduċa programm ġdid ta' residenza. Dan joffri status speċjali tat-taxxa lil ċittadini ta' pajjiżi terzi (għajr għaċ-ċittadini taż-ŻEE u tal-Iżvizzera) f'Malta. Biex tapplika għal dan il-programm trid tissodisfa ċerti kriterji bħax-xiri jew il-kiri ta' proprjetà f'Malta jew Għawdex u l-ħlas ta' obbligu minimu tat-taxxa annwali fuq id-dħul barrani li tirċievi f'Malta.
 
Fejn Napplika għall-Permess tar-Residenza Tiegħi?
Biex tapplika għall-permess tar-residenza għandek tmur:
 
Id-Dipartiment għall-Affarijiet ta' Ċittadinanza u Nies Barranin
3 Misraħ Kastilja
Valletta VLT 2000
Malta
 
Tel: 2200 1800, 2200 1801
Feks: 2200 1830
Indirizz elettroniku: citizenship@gov.mt
 
L-applikazzjonijiet għall-permess tar-residenza jistgħu jiġu sottomessi l-Belt Valletta biss. L-applikazzjoni tista' tiġi ppreżentata minn xi ħadd ieħor (f'ismek) iżda meta jinħareġ id-dokument teħtieġ li tiġbru int stess. Tista' tapplika wkoll bil-posta. Meta tapplika bil-posta, trid tibgħat kopji tal-passaporti jew tal-karti tal-identità li jkunu awtentikati mill-pulizija. Teħtieġ tippreżenta l-passaport jew il-karta tal-identità tiegħek meta tiġbor iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni jew il-karta tar-residenza tiegħek.
 
Minn Fejn Nista' Nikseb il-Formola tal-Applikazzjoni tar-Residenza?
Tista’ ssib il-formola tal-applikazzjoni tar-residenza hawn.
 
Hemm Xi Miżata għall-Applikazzjoni?
Ma hemm ebda miżata għall-applikazzjoni jekk inti ċittadin/a tal-UE/ŻEE/Iżvizzera jew membru tal-familja ta' ċittadin/a tal-UE/ŻEE/Żvizzera. Madankollu, jekk tlift id-dokument tar-residenza tiegħek, jew insteraq, inqered jew tgħarraq, trid tħallas miżata hekk kif ġej:
·    Dokument mitluf, misruq jew meqrud: €20 
·    Dokument mgħarraq: €15
·    Ċittadini mhux tal-UE jridu jħallsu miżata ta' €25 li tintitola lill-applikant għal dokument li jkopri perjodu ta' sena jew parti minnha.
·         Jekk int miżżeweġ/miżżewġa ċittadin/a Malti/Maltija li j/tgawdi Status ta' Persuna Eżenti int tkun eżenti milli tħallas il-miżata
·       Residenti għal perjodu ta' żmien twil iridu jħallsu miżata għal permess ta' ħames snin, li tammonta għal €125 li jitħallsu meta ssir l-applikazzjoni
·         Jekk għandek Protezzjoni Internazzjonali u għadek kif ġejt rilaxxat/a minn detenzjoni, inti eżenti milli tħallas miżata.
 
 
Għandi Bżonn Għajnuna Professjonali Biex Napplika għar-Residenza?
Ħafna nies ma jkollhomx bżonn għajnuna professjonali biex japplikaw għar-residenza, billi l-proċess tal-applikazzjoni huwa pjuttost sempliċi u faċli issa li Malta hija membru tal-UE.
 
Madankollu, il-proċess jista' jieħu ħafna żmien, għalhekk jekk m'għandekx ħafna ħin għad-dispożizzjoni jista' jkun aħjar għalik li tikkunsidra titlob għajnuna professjonali.
 
Barra dan, accountant jista' jagħtik parir għal xiex inti intitolat/a, kif ukoll jiggwidak biex tiċċaqlaq fil-ħin opportun mill-aspett fiskali. Iż-żmien meta tapplika għar-residenza jista’ jiddependi wkoll miż-żmien meta tispiċċa r-residenza tiegħek xi mkien ieħor u meta tiksibha f’Malta.