Il-Belt Valletta tingħata t-titlu ta' Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018

 

Il-Port il-Kbir

Il-Belt Valletta, flimkien mal-bqija tal-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex, illum ingħatat it-titlu prestiġġjuż ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018 nhar it-13 t'Ottubru 2012. Il-preżentazzjoni mressqa mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta f’isem il-kunsilli lokali ta’ Malta u Għawdex ġiet ikkonfermata mill-panel tal-evalwaturi waqt laqgħa finali llum fil-Belt Valletta, u b’hekk pajjiżna ngħata t-titlu għall-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018. Din l-aħbar ingħatat mic-Chairperson tal-Panel tal-Evalwaturi, Manfred Gaulhofer waqt konferenza tal-aħbaraijiet. Is-Sur Gaulhofer qal li l-bord tal-evalwaturi kien persważ li hemm ir-rieda, il-motivazzjoni u l-ambizzjoni meħtieġa, biex il-Belt tingħata t-titlu.
 
Il-Ministru għat-Turiżmu, il-Kultura u l-Ambjent, Mario de Marco qal li din hija aħbar pożittiva ħafna għas-settur kulturali u kreattiv u għall-pajjiżna. Hu qal li din l-aħbar tikkonferma li l-Gvern qed iwettaq politika għaqlija għas-settur kulturali u kreattiv li mhux biss għandha twassal għal riġenerazzjoni kulturali u tisħiħ tas-settur imma qed tiġi rikonoxxuta fuq livell Ewropew bħala ħidma għaqlija li tagħti dinjità lill-wirt storiku u l-identità tagħna filwaqt li toffri direzzjoni għall-futur tal-kultura f’pajjiżna. 
 
Il-Ministru de Marco qal li fl-aħħar snin il-Gvern wettaq u għadu qed iwettaq politika ibbażata fuq investiment fil-wirt storiku u fi proġetti infrastrutturali u kapitali, fit-talent tal-Maltin u l-Għawdxin kif ukoll fit-tisħiħ tal-ekonomija tal-kreattività li bħalissa tiġġenera 4% tal-GDP u timpjega madwar 8000 persuna f’madwar 3600 intrapriża. Il-Ministru de Marco spjega li fl-aħħar snin il-Gvern flimkien mal-istakeholders wettaq ukoll tlett proċessi importanti u kumplimentarji li permezz tagħhom tfasslet il-Politika Kulturali Nazzjonali, l-Abbozz tal-Istrateġija tal-Industriji Kulturali u Kreattivi, kif ukoll it-tfassil tal-applikazzjoni tal-Kapitali Ewropea bit-titlu Immaġina 18. Dan kollu wassal biex pajjiżna ngħata t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura. Mario de Marco irringrazzja lill-entitajiet u l-persuni kollha involuti fit-tfassil tal-applikazzjoni tal-Belt Valletta fosthom lil Fondazzjoni V.18, li tinkorpora l-Kunsill Lokali tal-Belt u l-kunsilli lokali kollha f’pajjiżna.
 
Ir-rappreżantant tal-Kummissjoni Ewropea, Ann Branch qalet li t-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura huwa titlu prestiġjuż li jingħata lill-belt rikka fl-istorja u li għandha l-potenzjal tkompli tissaħħaħ kemm fil-kultura imma anke fis-setturi soċjo-ekonomiċi. Hi faħħret il-ħidma li saret f’Malta u saħqet li s-settur kulturali u kreattiv għandu futur prospettiv u b’hekk ħeġġet li Malta tkompli twettaq pjani fit-tul għal dan is-settur.

Valletta Photo Gallery
Informazzjoni dwar il-Belt Kapitali Valletta