L-Edukazzjoni Għolja u Ulterjuri

Further Education
L-Edukazzjoni Għolja u Ulterjuri

F’Malta, iż-żgħażagħ li għandhom bejn 16 u 18‑il sena jmorru s-Sixth Form jew f’xi Kulleġġ. Matul dawn is-sentejn, huma jitħejjew għall-eżamijiet tal-MATSEC ‘A’ level, li bihom jistgħu jidħlu l-Università.

Matul iż-żmien li tqatta’ tistudja fil-livell tal-edukazzjoni għolja, inti jkollok ukoll l-opportunità li tisma’ l-ideat u l-ħsibijiet tal-esperti fil-qasam li jinteressak. Fl-istess ħin, il-fatt li jkollok lawrja universitarja x’aktarx jagħtik l-opportunità li tavvanza iktar malajr fil-karriera tiegħek jew li jkollok impjieg aħjar.

Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Għolja u Ulterjuri f’Malta:

   G. F. Abela Junior College
: Dan il-kulleġġ, li jinsab l-Imsida, joffri kors ta’ sentejn, imfassal b’mod partikolari għall-istudenti universitarji futuri. L-istudenti jistgħu jagħżlu minn varjetà kbira ta’ suġġetti, u jridu jagħżlu żewġ suġġetti bħala ‘A’ levels, tlieta bħala Intermediates u s-Systems of Knowledge. Billi l-kulleġġ jagħmel parti mill-Università ta’ Malta, l-istudenti jingħataw ukoll iċ-ċans li jiffamiljarizzaw ruħhom mal-kampus tal-Università. L-istudenti tal-kulleġġ u tal-Università jinteraġixxu u jikkollaboraw fuq proġetti kulturali bħal kunċerti, drama, sport, skambji tal-istudenti, dibattiti u seminars.

   L-
Iskola Postsekondarja Sir M.A. Refalo: L-għan ta’ din l-iskola huwa li toffri varjetà ta’ għażliet lill-istudenti li jixtiequ jkomplu jistudjaw fil-livell postsekondarju. Dan iċ-ċentru, li jinsab fil-qalba tar-Rabat, Għawdex, huwa fundamentali għall-persuni li jixtiequ jistudjaw waqt li jinvolvu ruħhom fid-diversi attivitajiet li jiġu organizzati mill-iskola stess matul is-sena, inklużi soiree, mawriet, lezzjonijiet taż-żfin, sport u ħafna oħrajn.

   Giovanni Curmi Higher Secondary
: Din l-iskola postsekondarja statali toffri korsijiet akkademiċi fil-livell ordinarju, avvanzat u intermedju. L-iskola, li tinsab in-Naxxar, tipprovdi korsijiet imfassla għall-ħtiġijiet individwali tal-istudenti. Madwar 500 student itemmu l-istudji tagħhom f’din l-iskola kull sena, u l-istatistika turi li terz minnhom jirnexxilhom isibu impjieg filwaqt li l-bqija jkomplu jistudjaw f’livell ogħla.

   Il-
Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija: Dan il-kulleġġ għandu disa’ istituti f’Malta, u ċentru f’Għawdex. Id-dipartimenti tiegħu jkopru medda sħiħa ta’ oqsma: l-industrija agroalimentari, ix-xjenza applikata, l-arti u d-disinn, il-bini u l-inġinerija tal-kostruzzjoni, in-negozju u l-kummerċ, is-servizzi komunitarji, l-inġinerija elettrika u elettronika, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, l-istudji marittimi u l-inġinerija mekkanika, flimkien mal-fergħa tiegħu f’Għawdex. Kif jixhed ismu, il-kulleġġ joffri korsijiet f’għadd kbir ta’ suġġetti, bħal ngħidu aħna d-disinjar tal-ħwejjeġ, l-interior design, il-marketing, l-inġinerija tal-kompjuters, il-kura soċjali u t-tiswija tal-karozzi.

   L-
Istitut tal-Istudji Turistiċi: Tixtieq issir chef, maniġer ta’ lukanda, gwida turistika, jew tixtieq tiftaħ aġenzija tal-ivvjaġġar tiegħek? L-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) f’San Ġiljan huwa l-post li jippreparak għal karriera fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità.

   L-Università ta’ Malta
: L-Università hija l-ogħla istituzzjoni tat-tagħlim f’Malta u tinsab l-Imsida. Hija tagħmel ħilitha biex toffri korsijiet li jkunu rilevanti u f’waqthom skont il-ħtiġijiet tal-pajjiż. L-Università għandha 13‑il fakultà, u dawn huma l-Fakultà tal-Arti, tal-Ambjent Mibni, tal-Kirurġija Dentali, tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy, tal-Edukazzjoni, tal-Inġinerija, tax-Xjenzi tas-Saħħa, tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni, tal-Liġi, tal-Midja u x-Xjenzi tal-Għarfien, tal-Mediċina u l-Kirurġija, tax-Xjenza u tat-Teoloġija.


Edukazzjoni Għolja u Ulterjuri mill-privat

Minbarra l-istituzzjonijiet imsemmija hawn fuq, hemm ukoll numru kbir ta’ istituzzjonijiet privati li joffru Edukazzjoni Għolja u Ulterjuri f’Malta.

​​​​​​​​​​​​​