X’għandek tagħmel meta tinqala’ emerġenza?
112 huwa n-numru li għandek iċċempel għas-servizzi kollha ta’ emerġenza f’Malta (ambulanza, pulizija jew f’każ ta’ nirien).
Malli jwieġbek l-operatur agħtih immedjatament in-numru tat-telefown tiegħek, biex ikunu jistgħu jċemplulek lura jekk jinqala’ l-bżonn, imbagħad agħti wkoll l-indirizz tal-post fejn hemm bżonn tintbagħat l-għajnuna u spjega x’tip ta’ inċident hu, kemm hemm persuni involuti fih u x’perikli oħra taħseb li hemm.
Spjega kif jistgħu jaslu fuq il-post, u jekk jista’ jkun ibgħat lil xi ħadd jiltaqa’ mas-Servizzi tal-Emerġenza biex iwassalhom bla telf ta’ ħin fuq il-post tal-inċident. Żomm lill-operatur aġġornat bis-sitwazzjoni u ħu ħsieb li tavżah jekk l-għajnuna li tkun tlabt ma tkunx meħtieġa iktar. Taqtax it-telefown qabel jgħidlek l-operatur!
Is-servizzi tal-emerġenza qegħdin hemm biex jipprovdu sokkors u jsalvaw ħajjet in-nies. Qatt tagħmel telefonati biex toħloq allarm fittizju jew biex tgħaddi ż-żmien – dan itellef ħin prezzjuż li jista’ jagħmel id-differenza bejn il-ħajja u l-mewt.
X’għandek tagħmel f’emerġenza barra mill-pajjiż
Jekk issib ruħek f’sitwazzjoni ta’ kriżi jew emerġenza waqt li tkun barra minn Malta, u wara li tiżgura li ħajtek u ħajjet il-vjaġġaturi sħabek ma jkunux fil-periklu, għandek tikkuntattja lil qrabatek u lill-ħbieb tiegħek biex isserrħilhom rashom u tevita li jinqala’ paniku bla bżonn. Huwa rrakkomandat ukoll li tikkuntattja lill-eqreb Ambaxxata Maltija, Konsulat jew Ministeru tal-Affarijiet Barranin, biex tinfurmahom li intom tinsabu qawwijin u sħaħ.
Għal lista sħiħa tar-Rappreżentanzi Diplomatiċi Maltin barra mill-pajjiż, ikklikkja hawn.
Numri Utli Oħra
Is-Servizzi kollha ta' Emerġenza |
112 |
Il-Pulizija ta’ Malta |
2122 4001 - 9 |
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili |
2393 0000 |
Il-Forzi Armati ta’ Malta |
2249 4000/2249 4019-20 |
Il-Gwardjani Lokali |
2132 0202 |
L-Isptar ta’ Malta |
2545 0000 |
L-Isptar ta’ Għawdex |
2156 1600 |
Salvataġġ ta’ Emerġenza bil-Ħelikopter |
2124 4371 |
Salvataġġ ta’ Emerġenza bil-Patrol Boat |
2123 8797 |
Servizz Veterinarju ta’ Emerġenza |
5004 3888 |
Servizzi ta’ Informazzjoni tal-Gvern |
153 |
Servizz ta’ Direttorju Telefoniku |
1182 |
|
|
Korsijiet tal-Ewwel Għajnuna f’Malta
Kors tal-ewwel għajnuna jiswa ferm bħala tħejjija dwar x’għandek tagħmel f’każ ta’ emerġenza. Is-St John Ambulance u r-Red Cross Malta joffru korsijiet fuq bażi regolari, u dejjem ikollhom bżonn volontiera biex jgħinuhom fil-ħidmiet tagħhom.