L-Isptar Mater Dei
Mater Dei huwa l-isptar pubbliku ewlieni ta’ Malta u jinsab l-Imsida. Dan l-isptar joffri servizzi immedjati mediċi u kirurġiċi, servizzi speċjalizzati, kif ukoll taħriġ ġenerali lill-professjonisti tas-settur u lill-istudenti tal-Mediċina. L-isptar huwa relattivament ġdid peress li nfetaħ fl-2007, u ħa post l-isptar pubbliku ta’ St Luke’s. Fl-isptar Mater Dei hemm 825 sodda u 25 sala tal-operazzjonijiet.
Iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo
Iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo
huwa sptar speċjalizzat għall-Onkoloġija u l-Emato-Onkoloġija. L-isptar joffri
servizzi kemm għall-pazjenti rikoverati fl-isptar u kemm għal dawk li ġejjin
minn barra.
Il-Missjoni tagħna
It-tim tagħna ta' professjonisti fil-kura
tas-saħħa huwa impenjat li jipprovdi kura bbażata fuq l-evidenza permezz ta'
tim speċjalizzat li jaħdem flimkien, li hu
multidixxiplinarju u li għandu l-għan li jipprovdi kura kompassjonali.
Il-Viżjoni tagħna
Ċentru tal-onkoloġija t’eċċellenza li jipprovdi kura
innovattiva u ta’ kwalità għolja lill-pazjenti u lil min jieħu ħsiebhom b’mod
olistiku u individwalizzat.
L-Isptar Monte Carmeli
L-Isptar Monte Carmeli f’Ħ’Attard huwa sptar għall-kura mentali li joffri servizzi ta’ rikoveru kif ukoll servizzi matul il-jum. L-isptar għandu riżorsi umani ddedikati u professjonali li permezz tal-approċċ multidixxiplinarju lejn is-servizzi psikjatriċi kollha joffru lill-pazjenti kura olistika mfassla apposta għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Jingħata servizz kemm ta’ kura psikjatrika kif ukoll psikoloġika, flimkien ma’ għajnuna biex il-persuna tintegra ruħha fis-soċjetà. Ikklikkja hawn għal aktar informazzjoni dwar l-isptar, u d-dettalji tal-kuntatt tiegħu.
St Vincent de Paul
St Vincent de Paul hija l-akbar dar tal-Gvern għall-anzjani f’Malta. L-infermiera u l-istaff kollu ta’ dan l-isptar jieħdu ħsieb l-anzjani residenti hemm filwaqt li jagħmlu ħilithom biex itejbulhom il-kwalità tal-ħajja.
L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex
L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li jinsab ir-Rabat għandu 291 sodda. Huwa jservi bħala sptar ġenerali u fih diversi swali ta’ trattamenti varji fejn il-pazjenti jiġu rikoverati għal perjodu qasir. Madankollu hemm ukoll sezzjoni ddedikata għall- kura ġerjatrika u psikjatrika għal perjodu twil li jippermettu rikoveri fit-tul u servizzi ta’ kura tas-saħħa mentali. L-isptar joffri wkoll servizz ta’ dijanjożi lill-pazjenti rikoverati u lill-pazjenti ta’ matul il-jum. Il-faċilitajiet offruti jinkludu unità iperbarika li tintuża l-iktar f’inċidenti ta’ bugħaddasa.
L-Isptar Karin Grech
L-Isptar Karin Grech fi Gwardamanġa huwa sptar ta’ riabilitazzjoni. Hawnhekk tingħata kura lill-pazjenti rikoverati kif ukoll out-patient li jkunu għaddew minn amputazzjoni, attakk ta’ puplesija jew xi trawma oħra.
Iċ-Ċentri tas-Saħħa
F’Malta u Għawdex hemm tmien ċentri tas-saħħa tal-Gvern. Minbarra s-servizzi ġenerali ta’ tobba u infermiera, f’dawn iċ-ċentri tingħata wkoll kura speċjalizzata bħal servizzi ta’ tilqim, terapija tat-taħdit, kliniki taʼ qabel u wara l-ħlas u kliniki għall-kura tal-feriti.
Ikklikkja hawn għal aktar informazzjoni u biex tikkuntattja xi wieħed minn dawn iċ-ċentri.
Kliniki Privati
Jeżisti numru ta’ kliniki u sptarijiet privati f’Malta li joffru varjetà kbira ta’ servizzi li jvarjaw minn dawk offruti minn tabib ġenerali sa servizzi ta’ dentisti, kirurgi kożmetiċi u professjonisti speċjalizzati oħra.