Il-Ġudikatura f’Malta

​Malt​ese Court Room
Il-Ġudikatura f’Malta

Il-Ġudikatura Maltija hija magħmula minn Imħallfin u Maġistrati li jippresiedu rispettivament fil-Qrati Superjuri u Inferjuri.

Meta jieħdu l-Ġurament tal-Kariga, l-Imħallfin u l-Maġistrati jimpenjaw ruħhom li jaqdu bis-sewwa d-dmirijiet ta’ Mħallef (Maġistrat) bla favuri u b’imparzjalità, “kif irid il-ħaqq u l-jedd, u kif iridu l-liġijiet u d-drawwiet ta’ Malta, għall-ġieh t’Alla u tar-Repubblika ta’ Malta”.

Waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, l-Imħallfin u l-Maġistrati għandhom ukoll jirrispettaw il-Kodiċi ta’ Etika li tirregola l-imġiba tal-membri tal-ġudikatura, u b’hekk tissaħħaħ il-fiduċja tal-poplu fl-istituzzjonijiet ġudizzjarji.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Ġudikatura Maltija, ikklikkja
hawn.


Il-Liġi ta’ Malta

Il-Liġijiet ta’ Malta huma rregolati b’Atti tal-Parlament,
Regolamenti, Regoli, Ordnijiet u liġijiet sussidjarji, kif ukoll bil-liġi tal-UE u Trattati Internazzjonali. Dan jinkludi wkoll is-sentenzi mogħtija mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Is-Sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali Maltija kif ukoll dawk tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jorbtu legalment.

Ir-regolamenti, id-direttivi u d-deċiżjonijiet Ewropej ikunu jridu jiġu inkorporati fil-Liġi Maltija għaliex anke dawn jorbtu legalment. Il-maġġoranza tat-trattati internazzjonali ffirmati minn Malta jiġu ratifikati wkoll f’liġijiet Maltin.

F’Malta, il-Kostituzzjoni hija l-liġi suprema tal-pajjiż u għalhekk tirbaħ fuq kwalunkwe liġi Maltija oħra li b’xi mod tkun f’konflitt magħha. Hija tipprovdi l-pedament tal-liġi nazzjonali, u tistipula li l-liġijiet għandhom jgħaddu mill-Parlament fil-forma ta’ Atti tal-Parlament
. Imbagħad il-Parlament jista’ jiddelega setgħat leġiżlattivi lil korpi oħra bħal ministeri, awtoritajiet u korpi pubbliċi.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Liġijiet ta’ Malta, inkluż il-Qafas Istituzzjonali, il-Proċess tat-Teħid tad-Deċiżjonijiet u Bażijiet tad-Dejta Legali, ikklikkja
hawn


Il-Qrati f’Malta

Il-Qrati f’Malta huma maqsuma fi Qrati Superjuri u Qrati Inferjuri.

L-Imħallfin jippresiedu fil-Qrati Superjuri, li f’Malta huma magħmula mill-
Qorti Kostituzzjonali, il-Qorti tal-Appell, il-Qorti tal-Appell Kriminali, il-Qorti Kriminali u l-Qorti Ċivili. Il-Qrati Inferjuri huma l-Qorti tal-Maġistrati f’Malta u l-Qorti tal-Maġistrati f’Għawdex. Din il-Qorti f’Għawdex għandha ġuriżdizzjoni kemm fil-livell inferjuri kif ukoll f’dak superjuri.

Il-Qrati f’Malta jinsabu fi Triq ir-Repubblika l-Belt Valletta, filwaqt li l-Qorti tal-Maġistrati f’Għawdex tinsab fil-bini tal-Qorti fiċ-Ċittadella, Ir-Rabat. 

Għal aktar informazzjoni dwar il-qrati f’Malta u l-istorja tagħhom, ikklikkja
hawn. Jekk tixtieq titgħallem aktar dwar l-Istruttura tal-Qrati fil-gżejjer Maltin, ikklikkja hawn.


Is-Sistema Ġudizzjarja f’Malta

Is-sistema ġudizzjarja f’Malta għandha żewġ saffi: dawn huma l-Qorti tal-Prim’Istanza preseduta minn imħallef jew maġistrat, u l-Qorti tal-Appell.

Hemm ukoll diversi tribunali li jittrattaw oqsma speċifiċi tal-liġi u li għandhom gradi differenti ta’ kompetenza. Kważi s-sentenzi kollha mogħtija minn dawn it-tribunali  jiġu trattati mill-
Qorti tal-Appell.

Id-Direttur Ġenerali (tal-Qorti) huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-qrati. Huwa wkoll il-Kap tad-Diviżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, u għalhekk jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu l-ġestjoni u l-amministrazzjoni ta’ din id-Diviżjoni, inklużi r-reġistri, l-arkivji u s-servizzi l-oħra.

Għal aktar informazzjoni dwar is-sistema ġudizzjarja f’Malta, inklużi l-ġerarkija tad-diversi qrati, l-użu tas-swali, il-forom ċivili u s-servizzi legali, ikklikkja
hawn


Sentenzi Online

Bħala parti mill-inizjattiva tas-servizzi elettroniċi ta’ eGovernment
, inħoloq is-servizz Sentenzi Online (Judgements Online) li huwa bla ħlas u li jiġbor flimkien is-sentenzi mogħtija mill-Qrati tal-Ġustizzja ta’ Malta mill-1944 ’l hawn.

Fuq Sentenzi Online tista’ tara sentenzi individwali,
tfittex sentenzi reċenti (mill-2001 ’l hawn) u tfittex billi ddaħħal kliem ewlieni. Is-sistema turi wkoll is-sentenzi parzjali. Tista’ wkoll tikkuntattja espert fis-suġġett​​​​​​​​​​​