X’Għandek Tkun Taf dwar il-Ġustizzja f’Malta

 

Se Tirrikorri għall-Qorti?

Qed taħseb biex tiftaħ proċeduri legali, ċivili jew kummerċjali, fil-konfront ta’ persuna jew persuni?

Fiż-żewġ każijiet l-ewwel ħaġa li għandek tagħmel huwa li tidentifika l-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi dwar il-każ tiegħek. Jekk tintuża sede mhux adattata, dan jista’ jwassal għal dewmien konsiderevoli u l-każ tiegħek jista’ saħansitra jiġi miċħud minħabba nuqqas ta’ ġuriżdizzjoni. 

Għal informazzjoni iktar dettaljata dwar kif għandek tagħżel il-qorti adattata għall-każ tiegħek, kif ukoll biex issir taf kif għandek tipproċedi, ikklikkja
hawn.


Għajnuna Legali

L-Istat jista’ jipprovdi Għajnuna Legali lil dawk li jkollhom bżonn. Inti tista’ tibbenefika minn din l-assistenza kemm fi proċeduri mibdija minnek kontra parti terzi kif ukoll f’każ ta’ allegazzjonijiet miġjuba kontrik
.

Jekk taħseb li inti intitolat/a għal għajnuna legali, l-ewwel pass li għandu jsir huwa li l-Avukat għall-Għajnuna Legali jagħmel valutazzjoni tat-talba li tkun għamilt u jevalwa s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek
.

Għal aktar informazzjoni dwar l-Għajnuna Legali, dwar jekk intix eliġibbli u kif għandek tapplika, ikklikkja
hawn.


Vittmi ta’ reati

Jekk inti sfajt vittma ta’ reat f’Malta, huwa rakkomandat li tagħmel rapport fl-eqreb għassa tal-pulizija, wara li tkun aċċertajt ruħek li m’għadekx fil-periklu. Kemm jista’ jkun ipprova agħti d-dettalji kollha li tiftakar biex jekk jista’ jkun min ikun wettaq ir-reat jinqabad.

Wara li tkun għamilt ir-rapport, jekk il-pulizija ssir taf min wettaq ir-reat, inti tista’ tagħżel jekk tmexxix bl-akkużi fil-qorti​ 
rilevanti.

Iċ-ċittadini Maltin, bħaċ-ċittadini Ewropej, għandhom dritt jitolbu kumpens għad-danni kriminali li jkunu sofrew sakemm dawn id-danni jkunu ġew soġġetti għal proċeduri legali jew irrappurtati lill-Pulizija mingħajr dewmien.

Dan il-kumpens jista’ jintalab mill-vittma nnifisha, minn qraba dipendenti fuqha jew minn persuna li tkun ġarrbet telf ta’ flus jew daħlet f’xi spejjeż b’riżultat tar-reat kommess fuq il-vittma. Dan il-kumpens ma jistax jintalab jekk il-vittma tkun responsabbli jew parzjalment responsabbli għar-reat.

Tista’ wkoll tikkuntattja lill-aġenzija Appoġġ, l-entità lokali li tipprovdi għajnuna lill-vittmi ta’ reati, billi ċċempel 179 jew tidħol fis-
sit tal-aġenzija.


Il-Medjazzjoni f’Malta

Il-każijiet ta’ tilwim mhux dejjem jissolvew fil-qorti; hemm każijiet fejn jistgħu jissolvew permezz ta’ arbitraġġ jew medjazzjoni. Meta tingħażel il-medjazzjoni, ikun hemm medjatur kwalifikat li jgħin lill-partijiet involuti biex isibu kompromess jew jilħqu ftehim.

Jekk qed tikkunsidra li tuża t-triq tal-medjazzjoni, ikkuntattja liċ-Ċentru tal-Medjazzjoni għal Malta permezz tar-Reġistratur fiċ-
Ċentru tal-Medjazzjoni għal Malta, Unità tal-Ġustizzja, 30 Triq it-Teżorerija, il-Belt Valletta VLT 1410. Tista’ wkoll iċċempel fuq in-numru 2125 1110 jew tibgħat email f’dan l-indirizz: mediation.mjha@gov.mt.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proċess tal-medjazzjoni u l-vantaġġi tagħha, ikklikkja
hawn.


Iċ-Ċentru dwar l-Arbitraġġ ta’ Malta

Iċ-Ċentru dwar l-Arbitraġġ ta’ Malta
ġie stabbilit biex jippromwovi u jinkoraġġixxi l-arbitraġġ domestiku u l-arbitraġġ kummerċjali internazzjonali. Huwa amministrat minn Bord ta’ Gvernaturi, li l-membri tiegħu jinħatru mill-President ta’ Malta, iżda huwa indipendenti mill-Gvern.

Għal aktar informazzjoni dwar iċ-Ċentru dwar l-Arbitraġġ ta’ Malta, inklużi l-proċeduri u l-formoli rilevanti, ikklikkja
hawn.


Is-Suċċessjoni f’Malta

Il-mewt ta’ xi ħadd tal-familja, qraba jew ħbieb fil-familja hija diġà iebsa biżżejjed mingħajr l-uġigħ ta’ ras ta’ liġijiet u proċeduri kumplikati.

Is-suċċessjoni (jew il-wirt) tikkonċerna tista’ tgħid lil kulħadd, u huwa utli li jkun hemm ippjanar tajjeb biex dan il-proċess jiħfief. L-ippjanar tas-suċċessjoni ġie regolarizzata fl-UE kollha. Jeżistu diversi gwidi ta’ għajnuna. Ikklikkja
hawn għal aktar informazzjoni dwar liema huma l-awtoritajiet kompetenti li għandek tikkuntattja u liema hija l-liġi applikabbli għalik u għall-familja tiegħek,  u liema taxxi huma dovuti f’każ ta’ suċċessjoni


It-Testmenti f’Malta

F’Malta huwa obbligatorju li testment uffiċjali jiġi rreġistrat fir-Reġistru Pubbliku. Jista’ jsir ukoll testment sigriet fil-qorti, fil-preżenza ta’ żewġ xhieda.

Għal aktar informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni u r-riċerki dwar testmenti f’Malta, u l-ispejjeż rilevanti, ikklikkja
hawn.


Id-Drittijiet tal-akkużati fi Proċeduri Kriminali

Persuna arrestata fuq reat f’Malta x’aktar li tinżamm arrestata mill-Qorti sakemm din tal-aħħar tinfurmaha bil-kundizzjonijiet tal-pleġġ
. Jekk ma titressaqx il-qorti taħt arrest, il-persuna tiġi nnotifikata bl-akkużi li jkunu se jinġiebu kontriha u bid-data tal-ewwel smigħ.

Skont il-gravità tal-akkużi, jinfetħu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti tal-Ġudikatura Kriminali jekk ir-reat jaqa’ fil-ġuriżdizzjoni tagħha, jew inkella quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti tal-Investigazzjoni Kriminali jekk ir-reat ma jkunx jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti tal-Ġudikatura Kriminali. Il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti tal-Investigazzjoni Kriminali tagħmel inkjesta u abbażi tagħha tiddeċiedi jekk ir-reat għandux jiġi ġġudikat mill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti tal-Ġudikatura Kriminali jew mill-Qorti Kriminali, jiġifieri b’ġuri. F’kull każ tingħata sentenza li jew tillibera lill-persuna mill-akkużi jew inkella ssibha ħatja u tikkundannaha tiskonta piena.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proċess kriminali f’Malta, inkluż ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea, kif tikseb parir legali, id-drittijiet tiegħek matul l-investigazzjoni u l-ġuri, u l-Kodiċi Kriminali, ikklikkja
hawn.


Meta tissejjaħ għal Ġurat f’Malta

Jekk tissejjaħ biex tkun ġurat f’Malta, x’aktarx ma tkunx taf x’jinvolvi dan ir-rwol. B’mod ġenerali dawk li kellhom din l-esperjenza jqisuha bħala waħda pożittiva, speċjalment għaliex iħossu li jkunu kkontribwew biex issir il-ġustizzja. Wara kollox is-sistema tal-ġuri tiżgura li fil-każijiet kriminali l-iktar serji, il-pubbliku, irrappreżentat mill-ġurati, jagħti l-aħħar kelma dwar jekk persuna tkunx ħatja jew le ta’ reat kriminali f’Malta.

Għal aktar informazzjoni dwar ir-rwol tal-membri tal-ġurija, ir-rekwiżiti u l-proċessi relatati, kif ukoll biex tikseb lista ta’ dawk il-persuni li jistgħu jiġu eżentati, ikklikkja
hawn.​​​​​​​​​​​