Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

brexit

No

Brexit

Ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Frar 2020, wara li ż-żewġ naħat ikkonkludew b'suċċess ftehim li ffaċilita tluq ordnat.

 

Dan il-Ftehim jinkludi kapitoli dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini, il-Ħlas Finanzjarju, il-kwistjonijiet l-oħra ta' separazzjoni u l-Protokoll dwar l-Irlanda ta' Fuq li japplika bħalissa u li se jkompli jagħmel dan. Il-ftehim ipprovda wkoll għal perjodu ta' tranżizzjoni – perjodu maħsub biex jagħti żmien lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, in-negozji u ċ-ċittadini biex iħejju għall-bidliet li se jinqalgħu mill-1 ta' Jannar 2021.

 

Fi kliem ieħor, wara t-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit se jkun barra s-Suq Uniku u l-Unjoni Doganali tal-Unjoni Ewropea u mhux se jibqa' marbut bil-liġi tal-Unjoni.

 

Dan se jbiddel b'mod sinifikanti l-mod li bih jimpenjaw ruħhom l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. F'dan ir-rigward, għadhom għaddejjin in-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit għal “sħubija ambizzjuża, wiesgħa, profonda u flessibbli bejn il-koperazzjoni kummerċjali u ekonomika bi ftehim ta' kummerċ ħieles komprensiv u bbilanċjat fil-qalba tiegħu".

 

Minħabba l-progress li ntlaħaq s'issa, il-Gvern ta' Malta ddeċieda li jintensifika l-ħidma tiegħu ta' tħejjija, inkluż għal sitwazzjoni fejn ftehim li jirregola r-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit ma jkunx milħuq u applikabbli sal-1 ta' Jannar 2021. Filwaqt li Malta għadha tappoġġja l-eqreb relazzjoni possibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, il-prudenza tiddetta li l-Gvern iħejji ruħu fuq din il-bażi.

 

B'inqas minn xahrejn sa tmiem il-perjodu tranżitorju, huwa vitali li l-Gvern, in-negozji u ċ-ċittadini jifhmu l-bidliet li se jinqalgħu u jieħdu passi issa biex itaffu r-riskji. Iż-żewġ xenarji –jiġifieri li jintlaħaq ftehim jew le – jgħollu ħafna, għalkemm mhux kollha, mir-riskji li nħolqu fl-ippjanar ta' xenarju fejn ir-Renju Unit seta' jħalli l-blokk mingħajr qbil li sar is-sena l-oħra, qabel ma ġie konkluż il-Ftehim dwar l-Irtirar.

 

Kull darba li kumpanija jew individwu Malti jimporta minn, jew jesporta lejn, ir-Renju Unit jeħtieġ li (mill-inqas) jimla dikjarazzjoni doganali. Jekk l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit ma jaslux għal ftehim se niffaċċjaw xenarju fejn, mill-1 ta' Jannar 2021, iż-żewġ naħat se jinnegozjaw fuq il-bażi tar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Dan ir-riżultat se jwassal ukoll għall-introduzzjoni ta' tariffi u kwoti fuq il-kummerċ fiż-żewġ direzzjonijiet.

 

Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li se sseħħ firxa ta' bidliet irrispettivament mir-riżultat tan-negozjati u huwa pertinenti li kulħadd ikun imħejji b'mod adegwat għal dawn il-bidliet issa. Fost dawn, l-aktar bidla sinifikanti hija li, mill-1 ta' Jannar 2021, ir-Renju Unit mhux se jibqa' japplika r-regoli tas-Suq Uniku u tal-Unjoni Doganali. Dan ifisser li kwalunkwe negozju, irrispettivament mid-daqs, li jgħaddi l-prodotti lejn jew mir-Renju Unit, se jkun suġġett għal firxa ta' formalitajiet doganali ġodda u rekwiżiti regolatorji oħra.

 

Fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jmexxi 'l quddiem dan ix-xogħol f'żewġ flussi distinti iżda kumulattivi:

 

  1. Xogħol li l-Gvern jista' jmexxi direttament;
  2. Il-komunikazzjoni u l-appoġġ lis-setturi u n-negozji li se jkunu impattati l-aktar  b'mod dirett.

 

Din il-ħidma ta' tħejjija għat-tmiem tat-tranżizzjoni hija differenti wkoll mill-preparamenti preċedenti li seħħew matul l-2019 għal xenarju fejn ir-Renju Unit seta' jħalli l-blokk bla ebda ftehim, peress li se jirrikjedi ppjanar għaż-żewġ sfidi immedjati, iżda wkoll għal bidliet permanenti fit-tul għall-arranġamenti attwali. Huwa mistenni wkoll li l-kontinġenzi tal-Unjoni Ewropea din id-darba jkunu limitati.

 

Madankollu, l-iskala u l-interkonnettività tar-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit ifissru li ma nistgħux neliminaw kompletament il-possibbiltà ta' tfixkil minkejja l-ħidma li saret. Iż-żmien huwa qasir ukoll u mhuwiex fattibbli li wieħed jistenna r-riżultat tan-negozjati qabel ma tittieħed azzjoni. Huwa ċar li, ikun xi jkun ir-riżultat tan-negozjati, l-istatus quo mhux se jinżamm.

 

Matul dan il-perjodu l-Gvern se jkompli jiżviluppa u jirfina l-isforzi tiegħu ta' tħejjija kif xieraq. Dan ix-xogħol se jkun sostnut minn programm ta' komunikazzjoni u involviment. Il-Gvern jiirrikonoxxi li t-tħejjija għal dawn il-bidliet hija ta' sfida kbira għal ħafna negozji li diġà ġew affettwati serjament mill-pandemija tal-Covid-19, u għaldaqstat se jsiru l-isforzi kollha neċessarji sabiex jappoġġjahom bl-aħjar mod matul ix-xhur li ġejjin.

 

Il-Gvern jibqa' grat għall-impenn kontinwu mal-partijiet interessati u l-korpi kostitwiti u se jkompli jaħdem mill-qrib mal-imsieħba tiegħu biex jiġu indirizzati dawn l-objettivi kondiviżi.


Il-gvern nieda Pjan ta’ Azzjoni bħala tħejjija għat-tmiem tal-perjodu tranżitorju, li jinkludi informazzjoni u rakomandazzjonijiet dwar kif ċittadini u negozji għandhom iħejju ruħhom aħjar sabiex jimmitigaw l-impatt li mistenni jinħass fuq diversi setturi. Dan id-dokument jista’ jiġi aċċessat minn hawn.

​ 

Siti elettroniċi utli:​

 

Ġenerali:

https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/IP_20_1304

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istat tat-tlestija fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit:

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1594383487124&uri=COM%3A2020%3A324%3AFIN

Checklist għan-negozji:

https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/brexit_files/info_site/na0220590enn_002.pdf

Avviżi tal-Partijiet Interessati Settorali:

https://ec.europa.eu/info/european-union-and-united-kingdom-forging-new-partnership/future-partnership/getting-ready-end-transition-period_en

 

Ċittadini Maltin fir-Renju Unit:

Għal aktar informazzjoni fuq id-drittijiet ta' ċittadini tal-Unjoni Ewropea:

https://eeas.europa.eu/delegations/united-kingdom_en  

https://www.eurights.uk/  

Biex tapplika għall-Iskema ta' Saldu tal-UE (EU Settlement Scheme): https://www.gov.uk/settled-status-eu-citizens-families/what-settled-and-presettled-status-means  

Informazzjoni għas-sidien ta' negozji fir-Renju Unit: https://www.gov.uk/transition?utm_campaign=transition_p3g&utm_medium=cpc&utm_source=seg&utm_content=ala_act0&gclid=CI6LwvbyxewCFZFOGwod064Ppw

 

Ċittadini tar-Renju Unit f'Malta: https://identitymalta.com/uk-nationals-residence-status-following-brexit/

 

Dwana: https://customs.gov.mt/brexit/what-does-brexit-mean-for-my-business-