NL-0002-2024

Reviżjoni Parzjali tal-Pjan Lokali ta' Għawdex u Kemmuna 2006 għall-Qala (Ħondoq ir-Rummien) it-Tieni Fażi


Miftuħa

​Ministry:

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar

​Entity:

Awtorità tal-Ippjanar

​Published:

22/01/2024

​Running Till:

04/03/2024

​Last Updated:

31/01/2024




Iż-żona f’Ħondoq ir-Rummien inkluż fejn hemm barriera qadima, u li ħalliet marka kera fil-pajsaġġ pittoresk tal-Qala, qed tiġi proposta li tiġi mħarsa mill-iżvilupp u allokata għall-afforestazzjoni.
 
L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) ippubblikat għall-konsultazzjoni pubblika policy ta’ ppjanar riveduta għaż-żona ta’ Ħondoq ir-Rummien, liema policy se jipprojbixxu kull forma ta’ żvilupp.
 
Iż-żona ta’ Ħondoq ir-Rummien, li hija waħda mill-aktar żoni pittoreski u verġni tal-gżira Maltija, li għandha veduti ta’ Kemmuna u l-Kanal tal-Fliegu, ilha taħt ‘theddida’ kontinwa biex tiġi żviluppata. Sa mill-2002, kienet tressqet applikazzjoni għall-bini ta’ port u lukanda ta’ 195 kamra, yacht marina għal 200 jott u villaġġ turistiku għal 300 appartament.
 
Proposti għal proġett ta’ afforestazzjoni fiż-żona għandhom jinkorporaw karatteristiċi li jgħinu biex jattiraw ambjent selvaġġ u naturali kif ukoll il-ħolqien mill-ġdid tal-ħabitat. Monokulturi agrikoli m'għandhomx ikunu aċċettabbli. Fejn possibbli, l-proġetti ta' afforestazzjoni għandhom jinkludu rotot biex imexxu l-fluss ta' viżitaturi pedonali fiż-żona. Iż-żona mhux se tkun aċċessibbli għat-traffiku tal-vetturi.
 
Il-policy proposta teskludi wkoll kwalunkwe faċilitajiet ta’ bajja addizzjonali, faċilitajiet kummerċjali ġodda jew l-intensifikazzjoni ta’ kwalunkwe użu kummerċjali eżistenti.
 
Għandhom jiġu kkunsidrati proposti għat-titjib tal-moll u l-islipway eżistenti sakemm 
l-interventi għandhom ikunu limitati prinċipalment biex jiġi rranġat dak li diġa hemm. L-Awtorità tal-Ippjanar qed tfittex ukoll ir-riabilitazzjoni kostali fit-tarf tal-Lvant taż-żona.
Iż-żona tal-għawm qed tkun riservata esklussivament għall-għawm u mhux se jkunu permessi attivitajiet oħra. L-ebda forma ta’ faċilitajiet ta’ rmiġġ permanenti u/jew temporanji għal divertiment jew rikreazzjoni ma tkun permessa fiż-żona tal-baħar qrib iż-żona tal-għawm u l-linja tal-kosta.
 
L-Emendi proposti fil-Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna flimkien mas-sottomissjonijiet riċevuti matul l-ewwel fażi tal-konsultazzjoni pubblika jinsabu disponnibli  fuq il-websajt tal-Awtorità www.pa.org.mt/consultation
 
Il-Awtorità tistieden individwi u organizzazzjonijiet biex jibagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom relatati ma’ dawn l-emendi permezz tal-formola onlajn.

Feedback