NL-0009-2025

Strateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju f'Malta 2025-2030


Miftuħa

​Ministry:

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva (MHA)

​Entity:

Saħħa

​Published:

24/03/2025

​Running Till:

16/05/2025

​Last Updated:

24/03/2025




Strateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju f'Malta 2025-2030

 

Is-suwiċidju huwa problema tas-saħħa pubblika sinifikanti u kumplessa li tieħu l-ħajja ta’ aktar minn 700,000 persuna kull sena (WHO, 2021). Is-suwiċidji jistgħu jiġu evitati. Hemm għadd ta’ miżuri li jistgħu jittieħdu fil-livelli tal-popolazzjoni, tas-sottopopolazzjonijiet u individwali biex jiġu evitati s-suwiċidji u l-attentati ta’ suwiċidju. It-tnaqqis fil-mortalità mis-suwiċidju ġie prijoritizzat bħala mira globali mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO, World Health Organization), wara li ġie deskritt bħala indikatur fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) taħt il-mira 3.4 (NU, 2017), fit-Tlettax-il Programm ta’ Ħidma Ġenerali 2019–2023 tal-WHO (NU, 2017) u fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa Mentali 2013–2020 tal-WHO (WHO, 2013). Bit-tfassil ta’ tali miri, il-WHO għandha l-għan li tipprevjeni it-traġedja tas-suwiċidju milli tippersisti li tinvadi l-ħajja ta’ miljuni ta’ individwi bit-telf ta’ xi ħadd li jħobbu (WHO, 2021). 

 

Din hija l-ewwel strateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju għal Malta, li ġiet prodotta mis-Servizzi tas-Saħħa Mentali, taħt l-awspiċi tal-Ministeru għas-Saħħa u għall-Anzjanità Attiva, f’kollaborazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati stmati minn diversi dixxiplini. L-inklużjoni ta’ esperti b’esperjenza fil-proċess ta’ konsultazzjoni saħħet ħafna t-tifsira u d-direzzjoni ta’ din l-istrateġija. Il-konsultazzjonijiet ma’ professjonisti u aġenziji mill-oqsma tas-saħħa, is-saħħa mentali, il-benesseri soċjali, l-edukazzjoni, l-infurzar tal-liġi, il-midja, u gruppi emarġinati pprovdew viżjoni komprensiva għal sforzi estensivi ta’ prevenzjoni tas-suwiċidju u ta’ intervent bikri. Din l-istrateġija tibni fuq il-prinċipji u l-azzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-Istrateġija għas-Saħħa Mentali għal Malta 2020-2030 (il-Ministeru għas-Saħħa, 2019), li tinkludi impenn lejn approċċ li jinkludi l-gvern kollu għall-prevenzjoni tas-suwiċidju. 

 

Din l-istrateġija hija ppjanata fuq perjodu ta’ ħames snin sal-2030, minħabba li d-demografika tal-popolazzjoni nazzjonali tagħna qiegħda tinbidel malajr u din tinvolvi implikazzjonijiet għall-kura tas-saħħa mentali, fejn dejjem għandu jitqies il-kuntest tal-multikulturaliżmu dejjem jikber tagħna u l-effetti varjati ta’ wara l-COVID-19.

 

Nistiednu lill-pubbliku biex jikkontribwixxi għall-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika billi jipprovdi feedback permezz tal-formola onlajn hawn taħt. Id-dokument ta’ konsultazzjoni jista’ jinstab fuq

https://health.gov.mt/wp-content/uploads/2025/03/Strategija_Nazzjonali_ghall-Prevenzjoni_tas-Suwicidju_f_Malta_2025-2030.pdf

Feedback