L-Awtorità tal-Ippjanar qiegħda tipproponi li żżid tip ġdid ta’ żvilupp fl-Iskeda 2 tar- Regolamenti dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Proċedura ta’ Applikazzjonijiet u d-Deċiżjoni Relattiva). Din iż-żieda ser tinkludi proġetti ta’ żvilupp ta’ enerġija rinnovabbli, fejn l-uniku għan huwa għal żvilupp ta’ enerġija rinnovabbli (RES) (inkluża installazzjoni fuq serer stabbiliti legalment), kemm fuq l-art kif ukoll offshore. It-Tip addizzjonali (Tip 13) jaqa’ fi ħdan il-Proċedura Sommarja.
Biż-żieda proposta, l-Awtorità tal-Ippjanar ser tkun konformi mal-objettivi ġenerali tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea (UE) stabbilita fuq ir-Regolament tal-UE 2021/4. Dan ir-regolament għandu l-għan li jappoġġa riformi u investimenti biex itaffu l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija u jagħmel lill-Ewropa aktar sostenibbli, reżiljenti u ppreparata aħjar għall-isfidi u l-opportunitajiet tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
L-applikazzjonijiet il-ġodda tat-Tip 13 għalhekk ser jippermettu – soġġett għal awtorizzazzjonijiet u konsultazzjonijiet speċifiċi – proċessar ta’ proċedura fil-qosor ta’:
(i) proġetti ta’ enerġija rinnovabbli offshore li jinsabu ġewwa żoni allokati mill-Gvern għall-enerġija rinnovabbli;
(ii) proġetti ta’ enerġija rinnovabbli solari fuq l-art li jinsabu f’siti kif definiti fil-Policy tas-Solar Farms; u
(iii) installazzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli biss fuq serer stabbiliti legalment.
L-Awtorità tal-Ippjanar tistieden lill-pubbliku biex jissottometti rappreżentazzjonijiet dwar iż-żieda proposta mar-regolamenti tal-emenda tal-ippjanar tal-iżvilupp.
Is-sottomissjonijiet iridu jintbagħtu lill-Awtorità sal-Erbgħa 16 ta’ April 2025.