Sejjaħt din il-Konferenza Stampa fuq materja ta’ importanza li nħoss li l-pubbliku għandu jkun mgħarraf biha uffiċjalment.
Il-Qrati ta’ pajjiżna dejjem gawdew u għadhom igawdu l-fiduċja tal-poplu tagħna.
Jiddispjaċini li jkolli ninforma lill-pubbliku li llum żewġ imħallfin qegħdin jiġu nvestigati għal reati serji mill-Pulizija.
Fil-5 ta’ Lulju ġie deċiż appell mill-Qorti Kriminali ta’ l-Appell presjeduta mill-Prim Imħallef Noel Arrigo, l- Imħallef Patrick Vella u l-Imħallef Joseph Filletti, fil-Kawża fl-ismijiet Ir-Repubblika ta’ Malta kontra Mario Camilleri.
Fl-ewwel Qorti, l-akkużat ġie misjub ħati fuq ammissjoni tiegħu stess fuq reati ta’ traffikar ta’ droga u reati oħra konnessi u ġie kkundannat sittax il-sena ħabs.
Ġranet qabel is-sentenza ta’ l-appell sar magħruf li kienu qegħdin isiru kuntatti għan-nom ta’ l-akkużat ma’ l-Imħallef Patrick Vella u l-Prim Imħallef Arrigo biex il-kundanna ta’ ħabs titnaqqas b’erba’ snin minn sittax għal tnax il-sena u li għal dawn iż-żewg imħallfin kienu ġew imwegħda somma ta’ eluf ta’ liri kull wieħed.
Is-sentenza ngħatat kif allegatament miftiehem.
Il-Pulizija komplew isegwu dak li ġara. Wara s-sentenza irriżulta li kienu tħallsu flus liż-żewġ imħallfin imsemmija.
L-investigazzjonijiet bl-interrogazzjoni ta’ xhieda bdew wara li l-Imħallef Patrick Vella irritorna mis-safar fis-27 ta’ Lulju.
L-investigazzjonijiet qegħdin ikomplu llum meta ż-żewġ imħallfin separatament intalbu li jmorru għand il-Kummissarju tal-Pulizija.
Min-naħa tal-Gvern irrid nassigura lil kulħadd li l-każ ser jibqa’ jiġi nvestigat sa’ l-aħħar u li jittieħdu l-passi kollha skond il-liġi.
Dal-għodu nfurmajt b’dan kollu lill-President ta’ Malta. Wara infurmajt ukoll lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni. Qbilna li l-materja hija ta’ mportanza nazzjonali u b’ebda mod m’għandha tiġi trattata bħala materja ta’ politika partiġġjana. Ta’ dan nirringrazzja lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni li bħali jifhem il-gravità tas-sitwazzjoni.
Wara laqqajt il-Kabinett u ġie deċież li għandha tissejjaħ din il-Konferenza Stampa.
Nappella lill-pubbliku li jistenna r-riżultati tal-investigazzjonijiet skond il-liġi u jqis dak li qed jiġri bħala konferma li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż jaħdmu fil-konfront ta’ kulħadd. Għalhekk il-poplu għandu jibqa’ jkollu fiduċju sħiħa fihom.