gov.mt

1572

PR1572

18/10/2007

Ġieħ lill-Poeta Nazzjonali

Il-Kumitat Festi Nazzjonali fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Furjana u l-Iskola Antonio Galea fakkru t-twelid tal-poeta nazzjonali Dun Karm bi tqegħid ta’ kuruni u fjuri mal-mafkar ta’ Dun Karm, li jinsab fi Triq Sant’Anna kantuniera ma’ Triq l-Assedju, l-Furjana. Dun Karm twieled fit-18 ta’ Ottubru 1871 f’Ħaż-Żebbuġ. 

Fil-korteo ta’ din is-sena, minbarra studenti mill-iskola Antonio Galea ħadu sehem ukoll studenti mill-Iskola Primarja tal-Kalkara, l-Iskola Sekondarja Ġużè Galea ta’ Ħal Qormi u studenti mis-Seminarju ta’ l-Arċisqof. Fil-korteo ħadu sehem ukoll il-Kap ta’ l-Iskola Antonio Galea, Stephen Miceli; is-Sindku tal-Furjana Nigel Holland u l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura l-Onor. Francis Zammit Dimech li lkoll qegħdu kuruni mal-monument. 

Meta indirizza lil dawk miġbura ħdejn il-monument ta’ Dun Karm għal din il-kommemorazzjoni, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li  “l-Innu Malti miktub minn Dun Karm mhux biss hu innu, iżda hu wkoll talba lil Alla bix jieqaf mal-mexxejja, il-ħaddiema u dawk li jħaddmuhom f’pajjiżna. L-Innu Malti sab postu fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna u kkontribwixxa biex pajjiżna kompla kiseb l-identità tiegħu bħal Nazzjon Sovran u Indipendenti.” 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li pajjiżna kien l-iżgħar membru ta’ l-Unjoni Ewropea iżda dan bl-ebda mod ma kien inaqqsilna mill-istima li ngawdu f’din il-għaqda ta’ 27 nazzjon indipendenti. Hu qal li pajjiżna kien nazzjon sħiħ bil-fruntieri tiegħu, bil-lingwa tiegħu, bit-tradizzjonijiet, il-kultura u l-istorja tiegħu. Hu qal li dawn huma kollha rekwiżiti importanti biex pajjiż – kbir jew żgħir  – ikun nazzjon. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li anke jekk kien hemm min jaħseb li pajjiż żgħir bħal tagħna kien jinbela’ minn nazzjonijiet akbar minnu f’għaqda ta’ nazzjonijiet li tiġbor erbgħa mill-aktar seba’ ekonomiji f’saħħithom tad-dinja, dan ma seħħx. Hu qal li dan ma seħħx għaliex dejjem għarafna ngħożżu dak kollu li jagħmilna Maltin, u nazzjon.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li Dun Karm hu wieħed mill-ikoni fl-istorja ta’ pajjiżna. Hu qal li Dun Karm tana l-Innu Nazzjonali li jiġi esegwit fl-okkażjonijiet uffiċjali ta’ pajjiżna.  

Il-Ministru appella liż-żgħażagħ Maltin biex ikomplu jgħożżu dak kollu li jagħmilna Maltin, fuq quddiemnett il-lingwa tagħna. Hu qal li minkejja li llum l- lingwa Maltija hi wkoll lingwa uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, din trid tilqa’ għall-attakki li jsirulha sew internament, minn dawk li jżebilħuha billi ma jitkellmuhiex; u esternament għaliex f’dinja globalizzata, il-lingwi mitkellma minn ftit mijiet ta’ eluf ta’ nies huma kontinwament taħt l-attakk mil-lingwi ewlenin tad-dinja.​