gov.mt

1842

PR1842

08/10/2010

TIFKIRA TAL-POETA NAZZJONALI DUN KARM – IL-ĠIMGĦA 15 TA’ OTTUBRU, 2010

F'Ottubru ta' kull sena, nfakkru żewġ anniversarji tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm:  it-twelid tieghu fit-18 tax-xahar u fit-13 infakkru l-mewt tiegħu.  Ta' kull sena l-Kumitat Festi Nazzjonali dejjem ħaseb biex ifakkar lill-Poeta Nazzjonali b'xi attivita’ speċjali fejn il-qofol tkun ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri fuq il-mafkar tal-Poeta Nazzjonali fil-Furjana.

 

Dun Karm twieled Ħaż-Żebbuġ nhar it-18 ta’ Ottubru tal-1871. Fi tfulitu Dun Karm attenda l-Iskola Primarja tal-Gvern ta’ Ħaż-Żebbuġ. Wara daħal is-Seminarju u sar sacerdot meta kellu 23 sena. F’din il-ħabta Dun Karm beda jikteb xi poeżiji bit-Taljan, iżda l-bidu tiegħu bħala poeta seħħ meta kellu 41 sena.

 

Għodwa waħda, żewġ kittieba, Mons. Pawl Galea u Ġużè Muscat Azzopardi, iltaqgħu ma’ Dun Karm fil-Belt. Qalulu li huma kellhom jibdew joħorġu gazzetta bil-Malti, Il-Ħabib, u stiednuh biex jiktbilhom xi poeżija sabiħa bil-Malti għall-ewwel ħarġa.

 

Għalkemm Dun Karm minn dejjem kien iħobb il-lingwa tagħna, huwa kien għadu jikteb poeżiji bit-Taljan biss. Għall-ewwel ħabat se jaqta’ qalbu, imma mbagħad niżel għarkupptejh quddiem inkwadru tal-Madonna li kellu f’kamartu u talabha biex tgħinu. Dik il-lejla stess, fl-1912, Dun Karm kiteb l-ewwel poeżija bil-Malti u semmieha: Quddiem Xbieha tal-Madonna.

 

Minn dakinhar ’l hawn, Dun Karm beda jikteb ħafna poeżiji bil-Malti. Fosthom insibu l-Innu ta’ Filgħodu (Reġa’ sebaħ …), l-Innu ta’ Filgħaxija (Riesaq il-lejl Mulejja …), Innu lill-Madonna (Fil-ħlewwa ta’ Mejju …) u fuq kollox l-Innu Malti u għadd kbir ta’ poeżiji sbieħ fuq pajjiżna li wassluh biex ikun magħruf bhala l-Poeta Nazzjonali.

 

Dun Karm għex ħajja kwieta. Għal xi żmien l-uniku ħabib li kellu kien daqsxejn ta’ għasfur lelluxi li għalih kiteb il-poeżija Lill-Kanarin tiegħi. Dun Karm baqa’ dejjem mimli bi ħsibijiet kbar u bi mħabba safja lejn il-lingwa tagħna sakemm miet fit-13 ta’ Ottubru tal-1961, meta kellu kważi 90 sena.

 

L-attivita’ ta’ tifkira, li se ssir nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Ottubru, tikkonsisti f’korteo li jitlaq mill-Iskola Primarja tal-Furjana fejn numru ta’ studenti, għalliema, uffiċjali għolja fid-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni flimkien mas-Sindku, il-kunsilliera tal-Furjana u s-Segretarju Parlamentari ghaz-Zghazagh u Sport, l-Onor. Clyde Puli jimxu mill-Iskola sal-monument ta’ Dun Karm li jinsab biswit il-Monument tal-Ġwerra, f’tarf Triq Sant’Anna, fil-Furjana. 

 

Quddiem il-monument, għall-ħabta tad-9.15 a.m. ikun hemm programm ta’ tifkira seġwit minn ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri quddiem il-Monument.


Fl-istess jum, l-iskejjel kollha ta' Malta ġew mitluba biex waqt l-assembly issir ukoll tifkira tal-Poeta  Nazzjonali.

 

Dawk l-għaqdiet interessati li jieħdu sehem fl-attivita’ u fiċ-ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri huma ġentilment mitluba jinformaw lill-Kumitat Festi Nazzjonali fuq in-numru tat-telefon 21245168 jew email fl-indirizz elettroniku [email protected]

 ​