gov.mt

pr0242

PR0242

06/02/2013

IL-PRESIDENT GEORGE ABELA JŻUR IS-SEDE ĠDIDA TAL-AKKADEMJA TAL-MALTI, DAR DOREEN MICALLEF

Nhar l-Erbgħa, l-1 ta’ Frar 2012, Il-President  George Abela żar is-sede l-ġdida tal-Akkademja tal-Malti, Dar Doreen Micallef, il-Belt. Għall-Akkademja tal-Malti dan kien jum storiku li fih għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, il-President ta’ Malta żar id-dar fejn jiltaqa’ l-kunsill u jinżamm l-arkivju tal-Akkademja tal-Malti. F’laqgħa kordjali ħafna, il-President ta’ Malta iddawwar mal-post u ra wkoll il-kmamar mgħammra bl-arkivju, libreriji u t-tifkiriet tal-poetessa. Hu fisser l-apprezzament tiegħu għall-ħidma li saret u qed issir mill-Akkademja biex ilsienna u l-letteratura tiegħu jibqgħu l-għajn ewlenija tal-identità Maltija.

Id-dar tal-poetessa Doreen Micallef kienet spiċċat fi stat ta’ telqa kbira wara mewtha. Il-Kunsill preżenti bit-tħabrik tal-President is-Sur Carmel Azzopardi daħal għall-isfida biex id-dar jagħmilha abitabbli mill-ġdid u l-ħolma seħħet bil-għajnuna kbira tal-Onor. George Pullicino, Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Il-ftuħ uffiċjali ta’ Dar Doreen Micallef sar fl-14 ta’ Novembru 2011 – jum it-twaqqif tal-Akkademja tal-Malti dak iż-żmien magħrufa bħala l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti – minn Dr Louis Galea, ir-Rappreżentant Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Dr Galea kien għadda ċ-ċwievet ta’ din id-dar lill-Akkademja meta kien Ministru tal-Edukazzjoni fil-Laqgħa Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2005.

Il-Kunsill ħa ħsieb li d-dar tibqa’ tifkira ta’ Doreen Micallef billi ssemmiet għaliha u twaħħlet irħama mal-faċċata tad-dar li tfakkarha. Kamra minnhom hi ddedikata lill-poetessa u fiha tqiegħdu t-tifkiriet tagħha, fosthom it-typewriter, ċertifikati, korrispondenza u dokumentazzjoni marbuta ma’ ħajjitha.

Għal dawn l-aħħar ħamsin sena, l-Akkademja kienet tiltaqa’ u żammet l-arkivju tagħha f’Palazzo Carafa. Kien fi żmien it-tabib Ġużè Galea li l-Akkademja nġabret f’Palazzo Carafa fi Triq il-Fran, il-Belt stess, billi kriet żewġt ikmamar f’dan il-Palazz. Aktar qabel, il-Kunsill kien jiltaqa’ fid-dar tal-“Unione Cattolica San Giuseppe” (fejn kien hemm l-Empire Press fi Triq San Pawl). Wara t-Tieni Gwerra Dinjija l-Kunsill kien jiltaqa’ f’dar numru 10b, Triq l-Iskoċċiżi, illum magħrufa bħala Triq M.A. Vassalli. Għal xi snin il-laqgħat kienu jsiru wkoll fil-Palazz, il-Belt u fl-Università.


Doreen Micallef

Doreen Micallef twieldet il-Furjana fil-31 ta’ Mejju 1949. Studjat il-filosofija u l-letteratura moderna Ewropea fl-Università ta’ Malta. Speċjalizzat fil-letteratura Maltija u Ingliża u kisbet MA fil-letteratura, diploma fir-relazzjonijiet umani u diploma oħra fit-teorija politika.

Micallef rebħet ir-Rediffusion Golden Star tliet darbiet għall-aqwa teledramm (1969, 1971, 1972) u ngħatat il-Phoenician Cultural Award fl-1984. Uħud mill-poeżiji tagħha dehru f’rivista tal-poeżija fl-Istati Uniti (1973). Doreen Micallef ippubblikat kemm poeżiji kif ukoll proża u wħud mix-xogħlijiet tagħha dehru fl-antoloġiji Linji Ġodda (1973) u Ilħna Mkissra (1992). Il-pubblikazzjonijiet tagħha huma: Wiċċ Imb Wiċċ u drammi oħra (1972); Fit-Triq tal-Empirew (1975); De Profundis (1979), Kyrie (1979) u Il-Leġġenda tal-Lejl (1984).

Minkejja s-solitudni ta’ bniedma introverta għall-aħħar, din il-mara li qatt ma kienet fiżikament b’saħħitha, kienet tħobb tissoċjalizza wkoll, dejjem b’xi suġġett profond għad-diskussjoni u b’saħħa mentali enormi. Kienet bniedma li tistaqsi ħafna u kultant iġġibek fid-dubju jekk hix tagħtik tagħrif jew inkella hix qiegħda tagħmel mistoqsija.

Kienet titkellem u taħseb bi stil proża-poetiku. Is-sentimentaliżmu, ir-ribelljoni, il-qilla, ir-rabja u d-determinazzjoni kienet tinsiġhom f’versi poetiċi f’moħħha. Jekk imbagħad kienet tkun fil-burdata kienet tiktibhom, jekk le kienet tħallihom itiru mar-riħ.

Araha dejjem itterraq fis-solitudni tat-toroq tal-Belt. Għexet ħajja fqira, kwieta u umli msejsa fuq it-twemmin tagħha. Forsi l-akbar ħbieb li kellha kienu l-qtates. Kienet tippreferi tibqa’ bil-ġuħ hi, iżda qatt ma tfalli milli tixtri l-ikel għall-qtates fil-viċinanza ta’ fejn kienet tgħix.

Doreen Micallef mietet nhar l-1 ta’ Diċembru 2001 fl-età ta’ 52 sena. Għall-funeral tagħha attendew numru żgħir ħafna ta’ nies. Ma kien hemm ħadd mill-qraba tagħha għax ma kellhiex. L-Ilsien Malti u l-Letteratura tagħna tilfu bniedma qalbiena li minkejja l-fraġilità tagħha dejjem tkellmet u kitbet bla biża’ u bla tidwir.