gov.mt

pr1529

PR1529

17/07/2013

RISPONS TAJJEB ĦAFNA GĦALL-PROĠETT TAL-LIFE SCIENCES PARK – IL-MINISTRU CHRIS CARDONA

Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona matul żjara li għamel fuq il-proġett tal-Life Sciences Park qal li x-xogħol fuq dan il-proġett miexi skont il-pjan. Spjega li bħalissa hemm ħidma għaddejja fuq il-bini u l-infrastruttura kif ukoll fuq il-promozzjoni ta’ dan il-proġett mid-diviżjoni tal-Investment Promotion tal-Malta Enterprise.
 
Din id-diviżjoni fil-Malta Enterpise qed taħdem biex tħajjar sew investituri barranin kif ukoll oħrajn li diġà huma preżenti f’Malta, biex jiftħu laboratorji u ċentri ta’riċerka u żvillupp fil-Life Sciences Park. Il-Ministru Cardona qal li r-rispons s’issa huwa tajjeb ħafna u diġà hemm numru sostanzjali ta’ kumpaniji disposti jibdew joperaw minn dan il-proġett. 
 
Il-Parti Strutturali f’dan il-qasam mistennija titlesta sal-aħħar tas-sena filwaqt li l-kumplament jitlesta sa’ Settembru/Ottubru tas-sena d-dieħla, bl-ewwel investituri jkunu jistgħu jidħlu fil-kumpless fl-aħħar 3 xhur tas-sena dieħla.
 
Dr. Chris Cardona qal li l-proġett kif inhu huwa maħsub illum, għandu jattira aktar investituri mill-proġett oriġinali, b’kirijiet aktar kompettitivi internazzjonalment. Dan anke fid-dawl tal-fatt li llum fid-dinja hemm kompetizzjoni kbira bejn Sciences Parks u ċentri oħra ta’ dan it-tip.
 
Ic-Chairman tal-Malta Enterprise Dr. Mario Vella  spjega li r-reviżjoni fuq il-proġett saret fil-parametri ta’ dak permessibbli mill-ftehim li kien diġà sar għal fondi tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li dan il-kumpless huwa maħsub għal ċentri ta’ eċċellenza xjentifika u teknoloġika, dawn iċ-ċentri jkunu parti minn kumpaniji fil-qasam bijomediku mmexxija fuq linji kummerċjali. Għalhekk, kien assigurat li l-proġett ikun aktar cost effective u kompettitiv kummerċjalment.
 
Preżenti wkoll matul din iż-żjara kien hemm s-Sur Jimmy Magro li qed imexxi taqsima responsabbli biex il-Proġett tal-Life Sciences Park jitlesta skont l-iskadenzi u l-parametri stabbiliti, kif ukoll l-Inġinier Joseph Sammut, Project Leader fil-Malta Enterprise.