Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’
Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana kienet mistiedna tattendi attività organiżżata mis-Service Dogs Foundation. Fl-indirizz tagħha Dr Caruana qalet li qed tappoġġja
bis-sħiħ din l-attività li saret bl-iskop ewlieni li jiżdied l-għarfien dwar
l-użu tal-klieb biex jgħinu diversi persuni bi bzonnijiet u diżabilitajiet differenti.
Hija qalet li dan it-taħriġ li jingħata lill-klieb huwa taħrig speċjalizzat li jista’ jgħin mhux biss persuni neqsin
mid-dawl imma wkoll dawk neqsin mis-smigħ u persuni b’diżabilitajiet oħra fosthom persuni
bl-awtiżmu u min
għandhu problemi ta’ mobbiltà. Għalhekk il-benefiċċji huma konsiderevoli.
Dr Caruana żiedet li huwa fatt sabiħ u pożittiv li llum,
is-Service Dogs Foundation qegħda tagħmel ħilitha biex tħarreġ dawn il-klieb f’Malta
stess u kif kumpanija privata qed tgħin f’din il-kampanja. Għalhekk tispikka s-social corporate
responsibility li għandu jiġi iktar inkoraġġut għax hemm bżonn ta’ ħafna għajnuna.
Dr Caruana semmiet ukoll li attendiet għal-attività
oħra fiċ-ċentru SPERO li huwa ċ-ċentru għal-persuni neqsin mid-dawl fejn faħħret l-inizjattiva li ħadu biex tellgħu reċta b’messaġġ li jagħti
tama. Qalet li ċ-ċentru SPERO għall-persuni neqsin mid-dawl qiegħed iħalli
il-frott tiegħu, wara li il-Gvern iddeċieda li jiftaħ dan iċ-ċentru permezz ta’
Private Public Partnership u jagħlaq
iċ-ċentru antik li ma kienx addattat għal dawn il-persuni.
Is-Segretarju Parlamentari għalqet l-intervent
tagħha billi faħħret is-Service Dogs Foundation ta’ din l-inizjattiva u qalet
li l-aġenda tal-persuni b’diżabilità kienet dejjem prijorità għal dan il-Gvern.
Għal din l-attività kien hemm prezenti l-MP Robert Cutajar li għan-nom tal-Oppożizzjoni wkoll iddikjara l-appoġġ tiegħu għal din l-attività.