gov.mt

pr152385

PR152385

29/10/2015

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI : Il-Kabinett japprova Regolamenti dwar it-twaqqif ta’ Asset Recovery Bureau

​Fil-jiem li ġejjin mistennija jiġu ppubblikati Regolamenti li se jwasslu għat-twaqqif ta’ Asset Recovery Bureau.  Dan il-Bureau se jkollu l-għan li jħarrax il-ġlieda kontra l-kriminalità serja billi jipprovdi għodod ġodda għall-intraċċar u l-konfiska favur il-Gvern ta’ assi li jkunu ġejjin mill-flus maħmuġa tal-kriminalità.
 
Il-Ministru ghall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici f’konferenza stampa sostna li l-ġlieda kontra l-kriminalità jista’ biss ikollha suċċess jekk min stagħna b’din il-kondotta illegali jitlef l-assi li jkun kiseb mill-flus maħmugin tal-kriminalità.
 
Qal li s-sena 2015 se tibqa’ mfakkra bħala s-sena li fiha bdejna nitrattaw il-vittmi ġenwini tad-droga bħala persuni li jeħtieġu l-għajnuna u mhux bħala kriminali.  Biss, is-sena 2015 se tkun ukoll is-sena fejn se nkomplu nħarrxu l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata bħat-traffikar tad-droga u reati serji oħra permezz ta’ dan il-Bureau.
 
Bonnici saħaq li fl-istess żmien li l-Gvern kien għadda l-liġi l-ġdida tad-drogi, kien daħħal fis-seħħ ukoll artiklu ġdid fil-Kodiċi Kriminali, l-artiklu 700, illi ta poter lill-Ministru għall-Ġustizzja sabiex iwaqqaf Asset Management Bureau permezz ta’ Regolamenti.
 
Huwa qal li l-Gvern beħsiebu jara li dan il-Bureau jikber b’mod gradwali, bir-reqqa, b’attenzjoni, u b’mod maħsub imma deciziv.
 
L-għan ewlieni tal-Bureau se jkun dak li jagħmel tracing u identifikazzjoni tal-assi.  Mhux biss, imma se jkollu wkoll l-irwol li jipprovdi għall-immaniġġjar u l-amministrazzjoni tal-assi li jkunu ġew iffriżati (attached or frozen) in vista ta’ investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet li jkunu għaddejjin.
 
B’dan il-pass ukoll se nkunu qed inġibu pajjiżna in-line mad-Deċizjoni Kwadru ta’ l-UE 2006/950/JHA.
 
Il-mudell li qed jara l-Gvern huwa mudell li jiġbor flimkien l-entitajiet diġà eżistenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità – bħall-Pulizija, l-Fisku, u l-FIAU.  B’hekk, m’humiex se jiġu rduppjati poteri diġà eżistenti f’liġijiet oħrajn u fl-istess ħin se nimmassimizzaw is-sinerġija bejn il-forzi kollha. 
 
F’din il-ħidma kollha se tkun kruċjali l-forensic auditing u l-forensic accounting li hija xjenza speċjalizzata ħafna.  Il-Bureau se jkollu poter jinkariga esperti f’dan is-sens u esperti oħra sabiex jgħinuh fil-ħidma tiegħu.   
 
Ir-Regolamenti se jkunu qed jipprovdi għat-twaqqif ta’ Board li jiġbor flimkien id-diversi entitajiet relevanti  u Direttur li se jkun qed imexxi d-direttorat tal-Bureau u se jingħata poteri speċjali sabiex tiġi faċilitata l-kisba ta’ informazzjoni.
 
Ġie deċiz li l-Board ikun immexxi mid-Direttur Ġenerali tal-Qorti waqt li d-Direttur tal-Bureau tkun ir-Reġistratriċi tal-Qrati Kriminali. 
 
Il-Bureau se jkun indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.
 
Kwalunkwe gwadann li jsir minn assi li jiġu intraċċjati u kkonfiskati minn min wettaq reati sejri jgħaddi għand il-Gvern u allura huwa fl-interess tal-Gvern ukoll li, permezz tal-Bureau, l-assi li jiġu hekk maqbuda jiġu maniġġjati f’manjiera li jimmassimizzaw il-valur tagħhom.
 
Il-Bureau se jkollu obbligu li jikoopera ma’ l-awtoritajiet barranin u se jingħata l-poter li jidħol f’arranġamenti ma’ awtoritajiet esteri. 
 
Il-Ministru Bonnici irringrazzja lill-Awtoritajiet Irlandiżi, li f’pajjiżhom oriġina l-kunċett ta’ Asset Management Bureau, għall-kooperazzjoni li wrew s’issa biex jitwaqqaf dan il-Bureau u esprima x-xewqa li tkompli titkabbar il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.