F’Ottubru ta’ kull sena nfakkru l-anniversarji tat-twelid u tal-mewt
tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila. Biex ifakkar dawn l-avvenimenti,
id-Direttorat tal-Kwalità u Standards fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u
x-Xogħol, flimkien mal-Kumitat Festi Nazzjonali, jorganizza attività
mill-istudenti għall-istudenti. Din is-sena, għat-tieni sena konsekuttiva,
iċ-ċerimonja ta’ tifkira ttellgħet f’Ħaż-Żebbuġ, ir-raħal li twieled fih
il-poeta nazzjonali.
L-attività bdiet b’korteo mis-sala tal-iskola primarja għal quddiem il-bust
ta’ Dun Karm, fejn numru ġmielu ta’ studenti minn skejjel differenti,
għalliema, uffiċjali edukattivi, flimkien mal-Ministru tal-Edukazzjoni u
x-Xogħol Evarist Bartolo, ħadu sehem f’ċerimonja kommemorattiva. Wara
ċ-ċerimonja, uħud minn dawk preżenti marru jżuru l-kappella ċkejkna
fiċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù f’Ħaż-Zebbuġ fejn hu midfun il-poeta
nazzjonali.
Dun Karm twieled Ħaż-Żebbuġ nhar it-18 ta’ Ottubru tal-1871. Fi tfulitu Dun
Karm attenda l-Iskola Primarja tal-Gvern ta’ Ħaż-Żebbuġ u wara daħal
is-Seminarju mnejn sar saċerdot meta kellu 23 sena. Dun Karm spikka fil-ħila
poetika. Għall-ewwel kien jikteb biss bit-Taljan, u kien biss meta kellu 41
sena li kiteb l-ewwel poeżija tiegħu bil-Malti ‘Quddiem Xbieha tal-Madonna’.
Minn dakinhar ’il quddiem, Dun Karm ma waqafx jikteb bil-Malti, u minbarra
l-poeżij, kiteb bosta innijiet, fosthom l-Innu Malti; dizzjunarju, u l-poeżija
ta’ livell għoli ħafna ‘Il Jien u lil hinn minnu’.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Evarist Bartolo tenna l-appell tiegħu
biex it-tagħlim tal-Malti u l-lingwi kollha jsir b’mod li jagħti gost u
jistimula lit-tfal ħalli t-tfal jinħabbu mal-lingwi minn kmieni, u jagħrfu
l-benefiċċji li dawn joffrulhom, kemm għall-iżvilupp sħiħ tagħhom bħala
persuni, kif ukoll għall-karrieri li jagħżlu f’ġejjienhom. Il-Ministru
kkonferma l-impenn tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol li jkompli
jinvesti f’aktar riżorsi edukattivi bil-Malti bħal apps, kotba diġitali,
kotba kbar, siltiet animati, u films qosra mnebbħa minn kitbiet letterarji.