Tnedija ta’ proġett ta’ monitoraġġ
tal-ambjent marin għall-immaniġġjar effettiv tal-ibħra ta’ Malta taħt il-fondi
tal-EMFF
Il-proġett imniedi mill-Awtorità għall-Ambjent u
r-Riżorsi (ERA) għall-monitoraġġ tal-ambjent tal-baħar parzjalment iffinanzjat
mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u Sajd għall-2014-2020 (EMFF), se
jagħti bidu għall-implimentazzjoni ta’ monitoraġġ ambjentali sostenibbli
tal-ibħra Maltin bil-għan li jevalwa l-istat tal-ibħra fuq bażi kontinwa kif
ukoll jindirizza n-nuqqas ta’ għarfien fejn meħtieġ.
Dan il-proġett se jimplimenta pjan ta’ monitoraġġ tal-baħar li l-Gvern
approva fl-2015. Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil
fil-Klima José Herrera qal li r-riżultati ta’ dan il-proġett se jikkontribwixxu
għall-immaniġġjar effettiv u għall-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar
għall-benefiċċju tal-ambjent u tas-setturi marittimi kollha. Permezz ta’ dan
il-proġett, l-ERA se tkompli taħdem ukoll lejn il-kisba ta’ Status Ambjentali
tajjeb fl-ibħra Maltin. Il-Ministru Herrera qal li minħabba l-kobor ta’ din
l-inizjattiva, l-ispiża totali tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ monitoraġġ
mistennija tilħaq madwar l-€4 miljun.
L-ibħra Maltin qed jaffaċċjaw pressjonijiet li dejjem qed jiżdiedu minn
attivitajiet tal-bniedem li jwasslu għad-deterjorazzjoni tal-ambjent marin. Data
u informazzjoni korretta minn dan il-proġett se jintużaw biex jiġu żviluppati
prattiċi ta’ mmaniġġjar ħalli jiġu indirizzati dawn il-pressjonijiet.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron
Farrugia qal li l-Unjoni Ewropea għandha tkun Unjoni li ddur mal-proġetti għax
fl-aħħar mill-aħħar huma l-proġetti li jgħaqqdu n-nies flimkien. Qal li dawn
il-fondi se jgħinuna wkoll fl-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ Malta fis-settur
tal-baħar, filwaqt li se nutilizzaw u se nassorbu l-fondi kollha tagħna
b’għaqal fis-settur marittimu tas-sajd u tal-akwakultura.
Miraine Rizzo, uffiċjal tal-ERA u Project Leader, qalet li “l-ERA hi
ħerqana li timplimenta dan il-proġett iffinanzjat mill-UE peress li se jitfa’
dawl fuq nuqqasijiet fl-għarfien li bħalissa qed jillimitaw il-kapaċità tagħna
li nimmaniġjaw b’mod effettiv l-ambjent marin”.
L-ERA se tagħmel l-almu kollu tagħha biex tassorbi l-€1.6 miljun totali
f’fondi pubbliċi eliġibbli (75% UE, 25% MT) li kienu allokati taħt il-Fond
Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd għall-2014-2020,
għall-implimentazzjoni ta’ programm ta’ monitoraġġ tal-baħar.
Il-proġett mistenni jieħu sentejn sabiex jitlesta.
Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett, ikkuntattja [email protected] jew ċempel fuq 2292 3500.