gov.mt

pr182705

PR182705

12/12/2018

STQARRIJA MILL-GVERN TA’ MALTA

​Illum il-gvern iffirma Memorandum ta’ Ftehim ma’ joint venture magħmula minn produtturi, importaturi u retailers dwar l-iskema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb, liema skema hija ntiża li tiġi introdotta fi żmien sena. Din hija xhieda tal-impenn sħiħ tal-gvern biex jindirizza l-isfidi fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart u r-riżorsi.

L-iskema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb kienet imħabbra matul is-sena l-oħra proprju mill-Prim Ministru Joseph Muscat waqt l-Our Ocean Conference, li ttellgħet f’pajjiżna f’Ottubru tal-2017. Din l-iskema għandha l-għan li tinċentiva l-persuni biex flok jiddisponu mill-kontenituri tax-xorb fl-ambjent u l-ibħra tagħna, dawn il-fliexken jitpoġġew f’magni apposta li se jkunu mxerrda madwar Malta u Għawdex, u b’hekk filwaqt li jitnaqqas ir-rimi ta’ skart b’mod abbużiv, intejbu l-ammont u l-kwalità tal-iskart riċiklabbli.
 
Il-Prim Ministru saħaq dwar il-bżonn li nkunu ambizzjużi fil-miri tagħna biex verament nagħmlu differenza fl-ambjent. “Ir-realtà hija li llum, tlieta minn erba’ fliexken tal-plastik ma jiġux riċiklati. Il-mira tagħna hija li nibdlu dan kollu u sal-ewwel erba’ snin inkunu qegħdin nirriċiklaw mad-90% tal-kontenituri tax-xorb”, stqarr il-Prim Ministru, hekk kif saħaq li l-pjan ħolistiku li qiegħed jimplimenta l-gvern fl-immaniġġjar tal-iskart qiegħed iħalli l-frott mistħoqq. 
 
“Dan tal-llum hu mudell ġdid fis settur tal-waste management. Mudell li bis saħħa tal-aġenzija l-ġdida rridu nkomplu nifirixu f’setturi oħra b’kollaborazzjoni u parteċipazzjoni tas-settur privat”, sostna l-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera. Dan il-ftehim se jkun qiegħed jara li jiġi ffinalizzat it-tfassil tar-regolamenti meħtieġa biex titħaddem din l-iskema. Il-Ministru Herrera qal li kien pass għaqli li tiġi ffurmata r-Resource Recovery and Recycling Agency, fejn l-għan ewlieni huwa li pajjiżna jadotta aktar ekonomija ċirkulari flok dik lineari.
 
Il-ftehim iffirmat illum, b’mod aktar tanġibbli qiegħed juri l-impenn tas-settur privat li jidħol biex jopera din l-iskema b’investiment kapitali li se jlaħħaq mal-għaxar miljun ewro. Il-qafas tal-ftehim iqis li jiżgura l-prinċipju tat-trasparenza, u li jiġu stabbiliti proċessi u mekkaniżmi biex jintlaħqu l-miri. 
 
Pierre Fava, li ffirma għan-nom tal-joint venture, saħaq li minn issa ‘l quddiem se jintensifikaw in-negozjati mal-gvern wara li saru r-rappreżentazzjonijiet dettaljati lill-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima fix-xhur preċedenti, u wara li ntlaħaq ftehim bejn il-produtturi, l-importaturi u retailers. Pierre Fava qal ukoll li huwa pożittiv li l-industrija privata qiegħda tikollabora flimkien biex taħdem sabiex din l-skema tkun waħda ta’ suċċess u li se tgħin biex pajjiżna jikseb miri ambizzjużi ta’ ġbir u riċiklaġġ tal-kontenituri tax-xorb.