Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis u l-Pro Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Joseph M. Cacciottolo, ippreżentaw ċertifikati lil 58 student/a ħaddiema ta’ San Vinċenz de Paul.
Anthony Agius Decelis qal li din hi opportunità oħra li turi kif l-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja fil-Gżejjer Maltin hi dokument ħaj li jinkludi impenn qawwi minn dawk kollha involuti biex verament ikun hemm differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies li jgħixu bid-dimensja.
Dawn il-ħaddiema pparteċipaw f’taħriġ ta’ livell MQF 5 akkreditat mill-Università ta’ Malta bħala parti mill-Programm għall-Arti u x-Xjenzi Liberali. L-għan tat-taħriġ hu li l-ħaddiema ta’ San Vinċenz itejbu l-kompetenza tagħhom fis-settur tad-dimensja. Iċ-ċerimonja kienet tinvolvi l-gradwazzjoni tal-ewwel żewġ gruppi ta’ ħaddiema li ħadu t-taħriġ filwaqt li bħalissa hemm it-tielet grupp li qed jagħmel it-taħriġ.
Rudoph Cini, Chief Nursing Manager f’San Vinċenz de Paul, spjega li fil-faċilità għal kura fit-tul hemm aktar minn 55% tar-residenti li għandhom id-dimensja. L-amministrazzjoni ma waqfitx biss billi toffri edukazzjoni lill-impjegati iżda anke qed toffri kors lill-informal carers li jieħdu ħsieb persuni bid-dimensja fil-komunità. B’hekk l-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz wettqet parti oħra mill-viżjoni tagħha biex tilqa’ għad-domanda ta’ persuni bid-dimensja filwaqt li tassigura li l-kura li tingħata tkun ta’ eċċellenza.
Il-Professur Joseph M. Cacciottolo, esprima sodisfazzjon għall-kollaborazzjoni bejn l-Università u San Vinċenz, li permezz tagħha l-Università qed twessgħa l-missjoni tagħha u tilħaq settur usa’ ta’ studenti. Qal li l-Università hi kburija li permezz taċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali (CLAS) qed toffri opportunitajiet flessibbli ta’ tagħlim li jtejjeb il-kwalità tat-taħriġ fil-qasam tad-dimensja li hi kwistjoni urġenti u importanti fil-pajjiż.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis irringrazzja lill-Università ta’ Malta, lil Dr Josianne Cutajar u lill-impjegati kollha li jaħdmu f’dan is-settur. Qal li “meta kulħadd jagħmel il-parti tiegħu jkun hemm impatt pożittiv fuq il-benefiċjarji tas-servizzi li qed noffru. Nemmen li dan l-impatt pożittiv qed jinħass mill-poplu Malti u Għawdxi”.